Formula 1 Sport

Mick Schumacher ma jsibx problema li jkun ikkumparat ma’ missieru

Mick Schumacher qal li ma għandux problema li jkun ikkumparat ma’ missieru Michael Schumacher li hu s-seba’ darbiet champion tad-dinja tal-Formula 1. Il-Ġermaniż ta’19-il sena se jkun qed jikkompeti fl-ewwel staġun tiegħu fil-Formula 2 li jibda fil-Bahrain fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.

“Li nkun ikkumparat ma’ missieri qatt ma kienet problema. Li nkun ikkumparat mal-aqwa sewwieq fl-istorja tal-Formula 1 hu l-għan li trid tikseb u li jkolli lilu bħala l-idolu u missieri hu veru speċjali.” Mick Schumacher qed isuq mat-tim Prema, li magħhom kien isuq is-sewwieq tal-Ferrari Charles Leclerc meta rebaħ it-titlu tal-Formula 2 fl-istaġun tad-debutt fl-2017.

Schumacher ingħaqad mal-akkademja tal-Ferrari x-xitwa li għadda u bħala parti mill-ftehim, hu mistenni li jsuq f’żewġ testijiet tal-Formula 1. Dawn huma probabbli se jkunu marbuta mat-tim tal-Alfa Romeo.

“Jien nista’ nitgħallem ħafna minn Ferrari għaliex għandhom ħafna esperjenza u rrid naħdem magħhom biex nikseb il-massimu li nista’.” Hu żied li qed jistenna li l-aktar sfida fil-Formula 2 tkun li jidra t-tyres Pirelli. Mick Schumacher rebaħ il-kampjonat Ewropew tal-Formula 3 is-sena l-oħra.