Lokali

Illum ġurnata ta’ ġbir ta’ fondi għas-servizz Net on Demand

Illum, Net Television se jkun qed jorganizza l-inizjattiva Net on Demand Crowd Funding.

Din l-attività qed issir bl-iskop li jinġabru 20,000 ewro għal dan is-servizz ġdid li permezz tiegħu wieħed ikun jista’ jara l-programmi ta’ Net TV u NET FM x’ħin irid minn fuq l-internet.

Dan hekk kif intlaqgħet it-talba kontinwa ta’ diversi telespettaturi li issa se jkunu jistgħu jidħlu u jsegwu l-programmi ta’ Net Televiison u Net FM x’ħin iridu fuq kull apparat elettroniku.

Matul iż-żmien se jkunu qed jittellgħu wkoll programmi mill-passat, apparti podcasts ta’ programmi li jixxandu fuq Net FM.

Malli tintlaħaq is-somma ta’ €20,000, Net on Demand se jidħol fis-seħħ u wieħed ikun jista’ jsegwi dawn il-programmi kif ukoll l-bulettin tal-aħbarijiet. Il-programmi kollha se jitilgħu fuq is-sit ftit minuti wara li jkun spiċċaw, filwaqt li se jkunu disponibbli għal sena sħiħa.

Waqt il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju, għada t-telespettaturi se jkunu jistgħu jċemplu biex jagħtu d-donazzjoni tagħhom. Għal donazzjoni ta’ 10 ewro wieħed jista’ jċempel fuq 51602003, kif ukoll jista’ jibghat sms b’donazzjoni ta’ 6.99 ewro fuq in-numru 50618928.

Net On Demand se jkun aċċessibbli permezz tas-sit www.net.com.mt.