Il-proposti mressqa mill-Partit Nazzjonalista, biex il-proċess tal-għadd tal-voti jkun wieħed trasparenti, ġust u ħieles minn kull manuvra, jidher illi qed jintlaqgħu mill-Partit Laburista. Dan hekk kif għall-Prim Ministru u Mexxej Laburista, prima facie, ma jidhirx li hemm problemi fil-proposti tal-Partit Nazzjonalista.
Mistoqsi mill-ġurnalisti, fosthom anke minn NET News, l-għada li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli ressaq għadd ta’ emendi tal-Oppożizzjoni għall-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali u tal-Kunsilli Lokali, Muscat esprima qbil generali ma’ dawn il-proposti. Fl-istess waqt li qal li għalissa qed joqgħod pass lura mill-“iva” definittiva sakemm ikollu l-konferma mill-esperti legali tiegħu.
Il-Mexxej Laburista kompla li l-esperti tiegħu qed jgħidulu li m’għandux ikun hemm probemi lanqas għall-proposta tal-Partit Nazzjonalista li jkun hemm skrutinju uman qabel ma l-Polza tal-Vot tgħaddi mill-proċess elettroniku. B’hekk ikun assigurat li l-ebda vot ma jkun immarkat b’tali mod li jkun identifikabbli.
Meta ppreżenta l-proposti, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli spjega li l-Oppożizzjoni wasslet għal din il-proposta wara li fit-testijiet li saru fuq is-sistema tal-għadd tal-voti, ġie nnutat li ċerti marki ma jinqabdux mis-sistema u għalhekk, voti invalidi jistgħu jingħaddu b’validi.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li bl-emendi proposti, jiġi evitat li xi ħadd jista’ jitlob lil ħaddieħor biex jidentifika l-vot tiegħu b’xi marki li jafu ma jinqabdux mis-sistema. U ladarba din l-emenda tidħol fis-seħħ, m’għandhiex tibqa’ l-emenda proposta fl-Abbozz tal-Gvern li l-partiti politiċi jingħataw kopja tal-Poloz tal-Vot għal tliet xhur wara li jintemm il-proċess tal-għadd tal-voti.
//= $special ?>