Lokali

Qabel is-simpatija tagħna, il-homeless għandhom bżonn saqaf fuq rashom – UĦM

Ritratt: Matthew Tabone

Wasal iż-żmien li l-Gvern jindirizza l-kwistjoni tal-persuni mingħajr dar. Dan hekk kif in-numru ta’ nies li qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom qiegħed dejjem jikber. Dan ħareġ minn artiklu ppubblikar mill-UĦM Voice of the Workers.

Il-mistoqsija tiġi waħedha… dawn in-nies, x’għandhom bżonn eżatt? Ir-risposta ovvja hija post fejn jgħixu. In-nies li jgħixu fit-toroq għandhom bżonn ta’ saqaf fuq rashom. Dan finalment huwa dritt tagħhom.

F’ekonomija li suppost qiegħda tisplodi, wieħed ma jistenniex li jkun hawn persuni bla residenza u li jsibuha diffiċli li jaslu sal-aħħar tax-xahar. Iżda llum il-ġurnata din saret realtà li qed jgħaddu minnha diversi peruni. Qed nisimgħu dejjem iktar b’nies li qed jgħixu f’garaxxijiet u fil-karozzi tagħhom.

Il-UĦM tistqarr li matul dawn l-aħħar żewġ leġislaturi, Gvern Laburista naqas milli jalloka fondi fil-baġit għall-akkomodazzjoni soċjali. Issemmew biss akkomodazzjonijiet soċjali li qed jinbnew u mistennija jitlestew is-sena d-dieħla. Il-UĦM issostni li dan huwa tard wisq, minħabba li l-għadd ta’ nies li qed jorqdu fit-triq qiegħed dejjem jiżdied u mhux jonqos.

Malta bħalissa qed tesperjenza nuqqas ta’ sostenibbiltà fis-settur tal-kiri. Għalhekk jinħtieġ li tinstab soluzzjoni flimkien mal-partijiet interessati peress li l-problema tal-kera qed tolqot eluf ta’ familji u ħaddiema, u wisq iktar lil dawk li jagħmlu parti mill-aktar fazzjoni baxxa tas-soċjetà.

Is-soċjetà tagħna ma tistax tkomplu tesperjenza din iż-żieda persistenti fil-prezzijiet tal-akkomodazzjoni. Il-UĦM issostni li hi meħtieġa azzjoni immedjata sabiex jiġu indirizzati d-diversi fatturi li qed jiggravaw din is-sitwazzjoni biex tissalvagwardja l-kwalità tal-ħajja tagħna.

Sadattant, dawk li qatt ma esperjenzaw stil ta’ ħajja stabbli għandhom jingħataw prijorità. Sfortunatament, xi stili ta’ ħajja huma tali li jagħmluha diffiċli għal wieħed li jgħix f’post wieħed. Ma nistgħux nassumu li dawk li jispiċċaw homelss, ikunu spiċċaw hekk tort tagħhom. Id-dritt għall-akkomodazzjoni huwa importanti daqs id-dritt għal ilma nadif għax-xorb.