Lokali Unjoni Ewropea

Adrian Delia jindirizza s-summit tal-PPE – jitkellem dwar Brexit u jwassal messaġġ ċar kontra l-abort

Il-mexxejja Ewropej li jiffurmaw parti mill-familja tal-Partit Popolari Ewropew tkellmu dwar l-importanza li l-Unjoni Ewropea ma tispiċċax f’sitwazzjoni fejn ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni mingħajr ftehim.

Dan hareg waqt diskussjoni tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew li fiha ha sehem il-Kap tal-PN Adrian Delia – laqgha li saret fl-isfond tas-summit Ewropew fejn il-Mexxejja mistennija jitrattaw b’urġenza l-kwistjoni ta’ Brexit huma u janalizzaw it-talba tar-Renju Unit biex il-proċess jieħu aktar żmien minn dak previst.

Ir-Renju Unit fadallu biss ftit jiem oħra bħala Stat membru tal-Unjoni meta d-29 ta’ Marzu hu stabbilit bħala d-data għall-konklużjoni tal-Brexit.

Intant għad mhemm l-ebda ftehim konkret għall-ħruġ tal-Britanniċi mill-Unjoni u l-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May, mal-wasla tagħha fi Brussell, esprimiet tamiet li pajjiżha iħalli l-Unjoni bi ftehim waqt li spjegat li għadha qed taħdem biex taċċerta qbil min-naħa tal-Parlament Britanniku.

Theresa May qalet ukoll li għandha dispjaċir personali talli qed ikollha titlob il-posponiment tal-Brexit iżda ammettiet li dan il-perjodu għandu jippermetti biex id-deputati f’Londra jiddeċiedu dwar l-għażla finali.

Sadattant il-mexxejja tal-PPE ddiskutew ukoll is-sospensjoni tal-partit Fidesz, immexxi mill-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban wara li dan infexx f’kampanja kontra l-Unjoni Ewropea.

Fid-dawl tad-deċiżjoni li l-partit jiġi sospiż, deċiżjoni li vvota favuriha anke l-Partit Nazzjonalista, il-mexxejja qablu li l-Partit Popolari Ewropew hu familja magħquda u li issa l-grupp irid iħares ‘il quddiem. Għal-laqgħa tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat minn Roslyn Borg Knight bħala Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista.

Adrian Delia u Roselyn Borg Knight deħlin għas-summit tal-PPE