Lokali

“Bżonn ta’ miżuri konkreti għat-tisħiħ tad-demokrazija u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet f’pajjiżna” – Adrian Delia

F’pajjiżna jeħtieġ li jiddaħħlu miżuri konkreti għat-tisħiħ tad-demokrazija u tibdiliet importanti li jassiguraw l-ħidma u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna sabiex verament iservu liċ-ċittadini.

Iddikjara dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, li hu wkoll il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ġustizzja u l-Governanza Tajba.

Fi stqarrija, Adrian Delia nnota li l-poplu ilu kemm ‘il darba jitkellem u juri li jrid il-ħarsien tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna, iżda minflok l-istituzzjonijiet, li għandhom l-irwol li jipproteġu liċ-ċittadini, spiċċaw maħkuma, kkontrollati u l-awtonomija tagħhom imxekkla b’detriment għad-demokrazija u għar-reputazzjoni ta’ Malta. In-nies qed jistennew tibdiliet b’serjetà li jerġgħu jagħtu kredibilità lil pajjiżna, u istituzzjonijiet li jaħdmu bi trasparenza u meritokrazija.

Il-Partit Nazzjonalista għal darb’oħra se jassigura li l-Gvern verament jimplimenta t-tibdiliet li tressqu mill-Kummissjoni Venezja, li kienu ċari u simili għal dawk li ilha tgħid l-Oppożizzjoni. Wara li għamel snin jirreżisti r-riformi meħtieġa, l-Gvern ma kellu l-ebda għażla ħlief li jaċċetta dak li l-Oppożizzjoni issa ilha xhur sħaħ tgħidlu biex iwettaq.

Il-konklużjonjiet tal-Kummissjoni Venezja urew biċ-ċar, li l-Prim Ministru qed jaħtaf il-poter mill-istituzzjonijiet, jikkontrollahom u jxekkel l-awtonomija tagħhom, b’detriment għas-saltna tad-dritt.

Il-Kummissjoni tagħmilha ċara li l-Prim Ministru huwa ċ-ċentru tal-poter u li l-President, il-Parlament, il-Kabinett tal-Ministru, il-Ġudikatura u l-Ombudsman huma dgħajfin quddiem il-poteri tal-Prim Ministru, u m’humiex fl-aħjar pożizzjoni biex iwettqu l-kontrolli meħtieġa f’demokrazija li tiffunzjona. Il-Kummissjoni Venezja tikkonkludi ukoll li l-Avukat Ġenerali qed jilbes wisq kpiepel meta huwa konsulent tal-Gvern kif ukoll prosekutur.

Wara l-pressjoni li saritlu mill-Oppożizzjoni, l-Gvern illum ħabbar li, għaliex ma tax widen mal-ewwel u għaliex ma kienx ppreparat, sa Ġunju li ġej se jkun biss qasam lir-rwol tal-Avukat Generali skont kif kien mitlub jagħmel mill-Kummissjoni Venezja u r-riformi l-oħra kollha mhux se jkunu daħlu qabel l-aħħar tas-sena.Sadanittant esperti bħall-Imhallef Giovanni Bonello u l-Ombudsman isostnu li l-Gvern laħaq ħataf il-kontroll fl-għażla tal-Ġudikatura, t-tmexxija tal-Armata u diversi istituzzjonijiet suppost awtonomi u indipendenti.>