Il-Kummissjoni Ewropea tinsab imħassba li pajjiżna jista’ jkun qed jintuża minn persuni li l-uniku skop li jixtru l-passaport Malti hu li jevitaw it-taxxa.
Iddikjara dan Benjamin Angel, Direttur tal-Kummissjoni Ewropea, li kien wieħed mill-kelliema waqt preżentazzjoni u diskussjoni tal-Country Report organizzata mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.
Waqt li analizza r-riżultati tal-Country Report, Angel innota wkoll li pajjiżna qed jiddependi ħafna fuq il-bejgħ tal-passaporti tiegħu.

Benjamin Angel, Direttur tal-Kummissjoni Ewropea
Fl-istess waqt innota kif hemm bżonn isir iktar kontra l-korruzzjoni hekk kif minkejja mijiet ta’ rapporti, ma kien hemm l-ebda persuna li tressqet il-Qorti.
U fl-istess waqt li mill-bejgħ tal-passaporti, il-Gvern qed idaħħal miljuni, fl-istess waqt il-Kummissjoni Ewropea tinnota li qed jiżdiedu n-nies li mhux ilaħħqu mal-ogħli fil-prezz tal-proprjetà.a
Dan fl-istess waqt li mhux jintlaħqu l-miri ta’ pajjiżna fis-settur tal-edukazzjoni.n
Sitwazzjoni li qed twassal ukoll biex pajjiżna waqa’ lura fil-ħiliet tal-ħaddiema tiegħu tant li n-negozji lokali mhux isibu n-nies bil-ħiliet meħtieġa.2
Il-Kummissjoni Ewropea tinsab imħassba wkoll li pajjiżna hu nieqes minn pjan dwar in-nefqa tal-Gvern fost oħrajn f’dak li għandu x’jaqsam mal-pensjonijiet u s-settur tas-saħħa.
Fost it-tħassib tal-Kummissjoni Ewropea hemm ukoll il-fatt li pajjiżna jiddependi wisq, meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra, fuq is-settur bankarju.
Fost oħrajn, fid-diskors tiegħu d-Direttur tal-Kummissjoni Ewropea nnota wkoll li pajjiżna hu fost l-inqas fl-Unjoni Ewropea li jagħti importanza lir-riċerka u l-iżvilupp. Dan apparti li pajjiżna mistenni li ma jilħaqx il-miri tiegħu biex inaqqas l-effetti serra minn gassijiet li jagħmlu ħsara fil-klima.
Ritratt: ekspertai.eu