Lokali

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem biex jiġi salvat il-Kumitat Amministrattiv ta’ Bubaqra

Fil-25 ta’ Mejju għandek għażla ċara – għandek toħroġ tivvota lill-Kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista, kemm dawk tal-Kunsilli Lokali kif ukoll lill-kandidati tal-Parlament Ewropew.

Sostna dan il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius fi tmiem żjara fil-lokalita taż-Żurrieq fejn kellu l-opportunita’ jiltaqa’ mar-residenti, kif ukoll ma’ sidien ta’ ħwienet.

Hu kien akkumpanjat mill-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono, deputati, u kandidati għall-elezzjonijet tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Kunsilli Lokali li se jsiru f’Mejju li ġej.

Waqt din iż-żjara, David Agius fakkar li ż-Żurrieq, barra Kunsill Lokali kellu wkoll Hamlet, kunsill amministrattiv, li kien jaħdem tajjeb ħafna. Iżda l-Gvern se jneħħi dan il-kumitat amministrattiv.

David Agius saħaq li l-PN se jibqa’ jaħdem sabiex dan ma jseħħx. Dan filwaqt li se jkompli jaħdem sabiex il-Kunsilli Lokali jingħataw iktar importanza u responsabbiltajiet.

Il-lokalità taż-Żurrieq hi lokalita li għandha ċerti diffikultajiet li kemm il-Kunsill Lokali kif ukoll il-Gvern iridu jagħtuhom importanza. Waħda mill-problemi prinċipali hi li fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja, meta tagħmel ix-xita jkun hemm l-għargħar. Dan qed joħloq diffikultà għaż-Żrieraq li jsibuha diffiċli biex ikunu jistgħu joħorġu u jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom fil-lokalità.