Lokali

L-istudenti fl-MCAST tal-Mosta spiċċaw jitgħallmu f’ambjent ta’ abbandun

L-istudenti fl-MCAST fil-Mosta spiċċaw jieħdu t-tagħlim tagħhom f’ambjent li qed jitħalla jintelaq bil-mod, hekk kif dan l-Istitut qed jgħaddi minn nuqqas kbir ta’ manutenzjoni.

Tant hu hekk li wara l-ħalba xita ta’ llum, uħud mill-klassijiet spiċċaw imtlew bl-ilma filwaqt li tiżdied il-ħsara strutturali.  

Fi stqarrija b’reazzjoni għal dan, Team Start iddikjara li jemmen li l-istudenti Maltin u Għawdxin jixirqilhom ferm aħjar u mhix sitwazzjoni aċċettabbli għall-istudenti li spiċċaw jitgħallmu f’dawn il-kundizzjonijiet.

Team Start ifakkar kif kien Gvern Nazzjonalista li nvesta b’serjeta’ fil-futur tal-istudenti u fetaħ l-MCAST, iżda l-Gvern Laburista għax m’għandux pjan fl-edukazzjoni mhux qed ikompli b’dawn l-investimenti u minflok ħoloq kriżi fl-edukazzjoni, b’saħansitra studenti qed jieħdu t-tagħlim tagħhom fil-kontejners.  

“L-istudenti kollha jixirqilhom l-aqwa investiment bi pjan fit-tul sabiex ikunu fl-aħjar pożizzjoni biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.” Għalhekk Team Start iħeġġeġ lill-Gvern Laburista biex jieħu ħsieb l-investimenti li saru fl-edukazzjoni matul iż-żminijiet u minnufih issir il-manutenzjoni li hemm bżonn fl-MCAST tal-Mosta.