Wara li lbieraħ matul il-jum, il-Prim Ministru Ingliż għamlet is-sigħat tipprova tikkonvinċi bil-ħlewwa lid-deputati li għandha bżonn l-appoġġ tagħhom dwar il-ftehim għal Brexit, filgħaxija dehret fuq il-mezzi tal-media u tefgħet ir-responsabilità tat-taħwida li żvilippat propju fuq l-istess deputati. Mossa li kompliet għaddbet lill-Membri tal-House of Commons.
Issa May trid terġa’ tipprova tuża l-faxxinu diplomatiku tagħha biex tikkonvinci lill-Kunsill Ewropew jaċċetta estensjoni ta’ tlett xhur għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-blokk Ewropew.
May qed timmira li testendi l-ħruġ mill-UE sat-30 ta’ Ġunju mentri l-Kunsill hu determinat li dan iseħħ sat-23 ta’ Mejju li ġej.
Madankollu l-Parlament Ewropew mhux jeskludi estensjoni itwal b’kundizzjoni li jsir it-tieni referendum.
Analisti politiċi qed jghidu li jekk dan jsir, il-probabilta’ hi li l-poplu Ingliż jaqleb ir-rizultat tal-ewwel referendum u Brexit ma jseħħx.


