Lokali

M’għandux jinfetaħ staġun tal-kaċċa għall-Gamiema fir-rebbiegħa

BirdLife Malta qed topponi bil-qawwa s-suġġeriment tal-għaqdiet tal-kaċċaturi, li l-Gvern jiftaħ l-istaġun tal-Kaċċa għall-Gamiem tul ir-Rebbiegħa.

Ftit biss qabel il-laqgħa tal-Kumitat Ornis, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) ħarġet stqarrija biex tissottometti rapport bil-ghan li tipproponi t-tneħħija ta’ moratorju fuq il-Kaċċa għall-Gamiem fir-Rebbiegħa.

Iżda f’konferenza tal-aħbarijiet, BirdLife Malta spjegat li l-pożizzjoni tal-FKNK, li l-Kaċċa għall-Gamiem tul ir-Rebbiegħa m’għandha l-ebda effett fuq il-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi vulnerabbli, ma jreġix.

Bl-FKNK titlob lill-Prim Ministru biex juri rieda politika favur il-Kaċċaturi, BirdLife Malta qalet li Muscat diġà wera r-rieda tiegħu sa minn meta, skont huma, għen biex jintrebaħ ir-Referendum dwar il-Kaċċa.

BirdLife Malta kompliet li Muscat reġa’ introduċa staġuni tal-Insib għall-Għasafar tal-Għana, b’pajjiżna jinstab ħati mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li kiser id-Direttiva Ewropea tal-Għasafar. Minn dakinhar, Malta kienet ordanata twaqqaf din il-prattika. L-NGO qalet li kuntrarju għal dak li qed tgħid l-FKNK, l-illegailtajiet qed jiiżedu, tant li fl-2018 kienet l-agħar waħda fl-aħħar sitt snin. Hu għalhekk li appellat lill-Gvern dwar dawm l-aħħar kwistjonijiet, tant li ppreżentat il-pożizzjoni lill-membri l-oħra tal-Kumitat ħalli jirrifjutaw il-prosposta tal-FKNK.