Lokali

Owen Bonnici ma jammettix li bdiet inkjesta dwar il-bank Pilatus

Għaddejja inkjesta Maġisterjali oħra fil-konfront tal-bank kontroversjali li infetaħ f'Malta

Kien konfermat illi bħalissa għaddejja inkjesta Maġisterjali fuq il-bank Pilatus tal-Iranjan Ali Sadr, li kien ingħalaq wara li l-Bank Ċentrali Ewropew akkużah li kien implikat f’ħasil ta’ flus, lura f’Novembru.

Iżda mistoqsi dwar dan il-fatt li għandu implikazzjonijiet serjissimi għar-reputazzjoni ta’ Malta, il-Ministru Owen Bonnici għażel li ma jammettix li bdiet din l-inkjesta Maġisterjali.

Kien is-sit elettroniku LovinMalta li ppubblika din l-aħbar aktar kmieni illum. L-istess sit jikkwota lill-Ministru jgħid li “bħala Ministru tal-Ġustizzja ma jafx x’inkjesti għaddejin”.

Jidher illi din l-inkjesta fil-konfront ta’ Pilatus Bank, li qed titmexxa mill-Maġistrat Ian Farrugia, inbdiet lejn l-aħħar tas-sena l-oħra.

Iċ-chairman ta’ Pilatus, Ali Sadr, kien arrestat f’Marzu li għadda fuq akkużi li kiser sanzjonijiet tal-Istati Uniti.

L-investigazzjonijiet juru li Ali Sadr ħoloq diversi kumpaniji u banek barra mill-pajjiż biex għadda b’$115 miljun f’kummerċ mill-Venezwela mal-Iran permezz ta’ banek fl-Istati Uniti.

S’issa mhux magħruf jekk il-Bank Pilatus kellux xi involviment f’dan kollu. Il-bank ġie reġistrat f’pajjiżna f’Diċembru tal-2013, jiġifieri xahar biss wara l-aħħar tranżazzjoni llegali li nkixfet mill-investigaturi Amerikani.

Eżatt sena ilu kien żvelat ukoll li l-Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri kienu fost il-ftit mistednin Maltin magħżula għat-tieġ ta’ Ali Sadr.