Ekonomija Lokali

Rekord fl-għoli tal-ħajja

Ikompli jisplodi 'l fuq il-prezz tal-ikel

Fi Frar 2019, il-Maltin u l-Għawdxin esperjenzaw l-akbar żieda fl-għoli tal-ħajja mill-2017 ‘l hawn. Dan kien konfermat minn ċifri li ġew ippubblikati illum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Iċ-ċifri juru li l-inflazzjoni żdiedet minn 1.49 fil-mija f’Jannar għal 1.92 fil-mija fi Frar. Fi kliem sempliċi, komplew jiżdiedu l-prezzijiet li jħallsu l-familji għall-prodotti bażiċi, mediċini, servizzi ta’ saħħa, trasport, manutenzjoni tad-djar, kirjiet, u fuq kollox l-ikel. Fil-fatt, kien il-prezz tal-ikel l-aktar li ra żieda mill-bidu ta’ din is-sena ‘l hawn.

Meta wieħed jagħmel analiżi tal-aħħar 26 xahar – jiġifieri minn jannar 2017 – jinduna li ix-xahar li għadda immarka rekord fil-livell ta’ kemm għoliet il-ħajja (ara tabella fuq).

Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kap tal-PN Adrian Delia, ilu xhur jitkellem dwar il-bżonn li tiġi indirizzata din ir-realta’ f’pajjiżna – sitwazzjoni li qed tkompli tmur għall-agħar minħabba l-politika ekonomika li addotta l-Gvern.