Lokali

TWISSIJA: Ara liem toroq għandek tevita minħabba għarar qawwija

L-ammont qawwi ta’ xita li għamlet fi ftit ħin, u li f’xi nħawi għadha nieżla, wasslet biex diversi toroq madwar Malta u Għawdex spiċċaw mgħarrqa.

Fost l-inħawi mgħarrqa hemm in-Naxxar, fl-inħawi tas-Salini, fejn ritratt li wasal għand dan is-sit juri li l-vetturi kienu sfurzati jieqfu u jduru lura biex ifittxu rotta differenti.

Mgħarrqa wkoll Triq St Andrews, li tintuża b’mod speċjali minn dawk li jkunu jridu jaslu sas-Swieqi billi jgħaddi minn San Ġwann. Hawn tant inġema’ ilma li anke trakkijiet u karozzi tal-linja kellhom jieqfu.

Fis-Swieqi, ċint ta’ residenza privata fil-kantuniera ta’ Triq il-Ħemel ċeda, bil-konsegwenza li nfirex il-ġebel anke f’nofs ta’ triq.

Dan apparti li fit-Telgħa tas-Saqqajja nġema’ traffiku qawwi hekk kif kien rappurtat ammont qawwi ta’ ilma apparti li waqfu xi vetturi, inkluż double decker.