Lokali

David Darmanin rebaħ l-Imprenditur tas-Sena tal-EY

Ben Remfrey jirbaħ l-EY Rising Star

David Darmanin, il-fundatur u kap eżekuttiv ta’ Hotjar, negozju li jgħin lis-sidien tal-websajts jifhmu l-imġiba tal-utenti u jottimizza l-konverżjonijiet f’bejgħ, rebaħ it-tielet edizzjoni tal-Entrepreneur of the Year™ organizzata minn EY Malta. F’Ġunju li ġej, hu se jmur Monaco biex jirrappreżenta lil Malta u jikkompeti għall-premju EY World Entrepreneur of the Year™ flimkien ma’ mexxejja ta’ negozji ewlenin minn aktar minn 60 pajjiż.

Ben Remfrey, direttur maniġerjali ta’ Praedium Consulting Limited, speċjalisti fit-taħriġ ta’ NGOs u Gvernijiet biex ineħħu land mines wara li f’dak il-pajjiż ikunu seħħew kunflitti bl-armi, rebaħ il-premju nazzjonali tal-EY Rising Star. Hu ukoll se jattendi l-avveniment ta’ Monaco f’Ġunju.

Fl-edizzjoni ta’ din is-sena, u għall-ewwel darba, kien ippreżentat premju ieħor iddedikat għal-Lifetime Achievement. Ir-rebbieħ ta’ din is-sena hu Carmelo Debono li, sa mis-snin sittin bena n-negozju tal-Maypole, biex illum sar brand ewlenija f’Malta.

Ronald Attard, il-Managing Partner ta’ EY Malta qal: “Il-premju tal-Entrepreneur of the Year™ ta’ EY Malta għal darb’oħra attira nominazzjonijiet ta’ kwalità mill-aqwa. Għalkemm l-ottimizzazzjoni tal-websajts, it-tneħħija ta’ land mines, u l-prodotti Maltin tal-ikel, huma b’mod ċar ġejjin minn setturi differenti, ir-rebbieħa kollha tagħna wrew kapaċità straordinarja meta bnew kumpaniji li kisbu suċċess permezz tad-determinazzjoni tagħhom, viżjoni ċara, u rieda li jadattaw u jirrinnovaw. Għal kull min għandu għall-qalbu l-benesseri ekonomiku ta’ Malta, hu tassew inkoraġġanti li jara imprenditorija bħal din ġejja minn ġenerazzjonijiet u minn setturi differenti. Nirringrazzja lil Melita talli sponsorjat ir-Rising Star Award u lill Grupp Corinthia talli sponsorjaw iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni.”

EY ilha torganizza l-premjijiet tal-Entrepreneur of the Year™ fuq bażi globali għal dawn l-aħħar tletin sena. Issa li huma mifruxa f’aktar minn 60 pajjiż, dawn ħolqu netwerk globali ta’ 50,000 imprenditur. Dawn huma punt ta’ referenza globali li jirrifletti l-ispirtu imprenditorjali tal-lum u ta’ għada. Aktar minn ħamsin fil-mija tal-aqwa 100 kumpanija tan-NASDAQ tal-lum rebħu l-premju Entrepreneur of the Year u l-parti l-kbira tagħhom rebħu dan il-premju saħansitra qabel ma kisbu posthom fost dawn l-aqwa 100 kumpanija.