Ekonomija Lokali

Edward Scicluna jitfa’ t-tort tal-għoli tal-ħajja fuq il-Benna u l-furnara

Wara li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisika (NSO) lbieraħ wera kif fi Frar kellna rekord fl-għoli tal-ħajja meta wieħed iqabbel mal-aħħar sentejn, il-Ministru tal-Finanzi tefa’ t-tort ta’ dan kollu fuq il-kumpanija Benna u fuq il-furnara.

Jidher li l-Ministru Edward Scicluna jew ma jafx jew ma jridx jammetti x’inhi s-sitwazzjoni reali dwar l-inflazzjoni f’pajjiżna. Dan hekk kif l-aktar statistika reċenti tal-NSO turi li kien hemm żidiet qawwija mhux biss fl-ikel iżda anke fit-trasport u l-komunkiazzjoni, fil-housing, fir-rikreazzjoni u d-divertiment, fix-xorb, fil-kura personali u s-saħħa, u fl-affarijiet tad-dar u tal-manutenzjoni.

Iżda għal Sciculna, dan kollu bħal donnu ma jeżistix, għaliex meta mistoqsi minn Net News lanqas biss irrefera għalih.

Għalkemm huwa minnu li kien hemm żiediet fil-prezzijiet ta’ prodotti tal-ħalib u tal-ħobż, dan seħħ madwar 6 xhur ilu u għaldaqstant l-argument tal-Ministru ma jreġix għaliex l-inflazzjoni reali kawża ta’ dawn il-prezzijiet seħħet ix-xhur ilu.

Edward Scicluna kien qiegħed preżenti għal attività fil-Furjana meta staqsejnih ukoll dwar il-kundanni li saru lill-Gvern ilbieraħ minn Benamin Angel, direttur fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, li tkellem dwar ir-riżultati ta’ Malta fil-Country Report 2019.

Benjamin Angel

Staqsejna lil Sciculna għaliex it-tkaxkir tas-saqajn mill-Gvern biex jieħu azzjoni serja sabiex jiġġieled il-korruzzjoni, b’Scicluna jwieġeb li l-Gvern mhux ikaxkar saqajh.

Iżda fost lista twila ta’ kritika u nuqqasijiet mill-Gvern, Angel fid-diskors tal-Ħamis qal li l-Kummissjoni Permanenti ta’ Kontra l-Korruzzjoni rċeviet iktar minn 500 każ dwar Malta, u li dwar dawn il-każi ma ttieħdu l-ebda passi u ma tressaq ħadd.

Xhieda li l-Gvern mhux talli qed ikaxkar saqajh, iżda qed jagħżel b’mod konxju li jinjora din il-problema.