BirdLife Malta llum kitbet lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex toġġezzjona għal kwalunkwe tibdil għall-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa sew f’dak li għandu x’jaqsam mad-dati kif ukoll mal-ispeċi li jistgħu jiġu kkaċċjati. L-ittra ntbagħtet wara rrakkomandazzjoni li għamel il-Kumitat Ornis aktar kmieni din il-ġimgħa lill-Gvern biex jinfetaħ staġun bejn l-10 u t-30 ta’ April.
Il-ftuħ ta’ staġun tal-kaċċa għas-Summien f’dawn id-dati jaħbat mal-eqqel tal-passa tal-Gamiem li huwa speċi vulnerabbli u allura se jservi biss bħala paraventu biex il-kaċċaturi jisparaw illegalment fuq il-Gamiema. Agħar minn hekk, id-dati li qed jiġu proposti għall-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa 2019 tmexxew aktar lura meta mqabbel mas-sena li għaddiet (meta l-istaġun fetaħ bejn l-1 u l-21 ta’ April) u b’hekk jikkoinċidu aktar mis-sena l-oħra mal-perjodu meta l-Gamiem ipassi minn fuq il-Gżejjer Maltin.
Fl-ittra lill-Prim Ministru, BirdLife Malta rreferiet ukoll għar-rapport li ppreżentaw il-kaċċaturi li jsejjaħ biex jitneħħa l-moratorju fuq il-kaċċa għall-Gamiema tul irrebbiegħa. Vot dwar dan se jittieħed fil-laqgħa li jmiss tal-Ornis skedata għat-Tlieta li ġej minħabba li l-membri tal-kumitat ma kellhomx kopja tar-rapport sħiħ f’idejhom qabel il-laqgħa ta’ nhar l-Erbgħa li għadda.
Filwaqt li BirdLife Malta ma taqbel mal-ebda forma ta’ kaċċa tul ir-rebbiegħa, għax lgħasafar li jkunu fi triqithom biex ibejtu għandhom jiġu mħarsa u mhux maqtula, li tippermetti li tiġi kkaċċjata l-Gamiema jmur ukoll kontra d-direzzjoni li qed tieħu l-Unjoni Ewropea biex din l-ispeċi li qed tonqos tiġi protetta tul is-sena kollha.
“Hija ħasra kbira li filwaqt li dan il-pajjiż, tajjeb jew ħażin, kellu jaċċetta tibdiliet filkultura ferm akbar mill-kaċċa, f’dan il-każ il-Gvern baqa’ marbut mal-passat minħabba biża’ li jitlef il-voti,” isostni l-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana fl-ittra tiegħu lil Joseph Muscat.
“Waqt li aħna lesti nifhmu li l-affarijiet ma jinbidlux mill-ewwel, iżda ntennu li apparti li l-infurzar tal-liġijiet għad fadallu ħafna, nopponu bil-qawwa tibdil fid-dati tal-kaċċa għas-Summien u qatt ma nistgħu naċċettaw li jinfetaħ xi forma ta’ perjodu – qasir kemm hu qasir – għall-kaċċa tal-Gamiem”.
Kopja tal-ittra, li tinsab mehmuża, intbagħtet ukoll lill-Ministru Josè Herrera, lis-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri, lill-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent Karmenu Vella, lill-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife International Patricia Zurita u lid-Direttur Ġenerali tal-IUCN Inger Andersen
//= $special ?>