Ekonomija Lokali

Il-ħaddiema qed jaraw tnaqqis fil-pagi u żieda fl-ispejjeż bil-politika ekonomika tal-Gvern li jkabbar l-popolazzjoni bla pjan – PN

F’Malta l-ħaddiema qegħdin jaraw il-pagi tagħhom jonqsu filwaqt li l-ħajja dejjem togħla, speċjalment l-ikel u l-prodotti essenzjali. Dawn id-diffikultajiet ġodda għall-ħaddiema qed jaslu bil-politika bla pjan tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni flok bil-produzzjoni.

Dan qalu l-PN fi stqarrija mid-deputati Kristy Debono u Karl Gouder.

Dan in-nuqqas ta’ pjan qed joħloq problemi f’bosta setturi fosthom il-pagi biċ-cheap labour li qed ikompli jgħolli rasu, u bil-ħaddiema Maltin qed jispiċċaw f’din il-morsa. L-istatistika tal-Eurostat uriet kif matul l-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet Malta kienet l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea fejn gie rreġistrat tnaqqis fil-labour costs, li huma s-salarji u l-pagi tal-ħaddiema. Din mhux l-ewwel darba li pajjiżna rreġistra tnaqqis fis-salarji u l-pagi, bl-istatistika turi li kien hemm tnaqqis matul it-tielet kwart tas-sena li għaddiet ukoll.

Dan kollu jikkonfermaw dak li qalu esperti u konsulenti tal-Gvern stess fosthom Yana Mintoff, li l-mudell ekonomiku tal-Gvern qed iwassal għaċ-cheap labour. Filwaqt li l-ħaddiema Maltin qed jesperjenzaw din il-morsa, l-ikel u l-prodotti essenzjali qegħdin dejjem jogħlew kif tikkonferma l-istess statistika. Ix-xahar li għadda, l-Maltin u l-Għawdxin esperjenzaw l-akbar żieda fl-għoli tal-ħajja mill-2017 ‘l hawn, bil-prezzijiet tal-ikel ikunu l-aktar li żdiedu. Fl-istess ħin l-inflazzjoni baqgħet tiżdied. Il-Partit  Nazzjonalista ilu jisħaq dwar il-ħtieġa ta’ pjan fit-tul, iżda l-unika soluzzjoni tal-Gvern hija li jibqa’ jkabbar l-popolazzjoni ta’ pajjiżna, bil-konsegwenza li t-tbatijiet u d-diffikultajiet tal-familji se jibqgħu jiżdiedu.