Biex il-poplu jkun infurmat sew, il-Gvern għandu jippubblika l-istudji u l-istħarriġ li għamel dwar il-proċess ta’ aċċessibbiltà bejn il-gżejjer Maltin.
Dawn għandhom jinkludu l-alternattivi kollha għal aċċessibbiltà aħjar, l-opportunitajiet ta’ xogħol u investiment f’Għawdex u l-fatturi li xorta jżommu lill-investituri milli jinvestu f’Għawdex ladarba l-alternattivi jew xi waħda minnhom ikunu twettqu.
Hekk qalet il-Kummissjoni Ambjent fi ħdan il-Kurja Arċiveskovili, li appellat biex ikunu ppubblikati wkoll il-metodoloġiji li ntużaw u l-kwestjonarji li ġew amministrati. Dan hekk kif iħossu li ma teżisti l-ebda informazzjon soda u rigoruża, li hi pubblika, u li biha wieħed ikun jista’ jgħarbel l-alternattivi kollha biex l-aċċessibbiltà titjieb tassew.
Il-Knisja qalet li minkejja l-wegħdiet li saru fl-imgħoddi, l-alternativi ta’ vapur ieħor għall-Gozo Channel jew fast ferry service għadhom ma twettqux, filwaqt li s-servizz ta’ emerġenza tal-ħelikopter bejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Isptarijiet f’Malta mar lura.
Il-Kummissjoni Ambjent tenniet dak li diġà qalet ħames snin ilu, jiġifieri li jkun hemm deċiżjoni matura dwar il-proġett finali, kif ukoll il-prezz li wieħed irid iħallas għall-aċċessibbiltà. Iżda fuq kollox, dawn għandhom ikunu studjati bil-galbu u ppubblikati minn qabel ma tittieħed id-deċiżjoni dwar liema alternattiva hi l-aħjar.
L-istess dwar l-aspett ekonomiku, fejn jeħtieġ immorru lil hinn mill-idea li aċċessibbiltà aħjar tista’ ssolvi l-problemi ekonomiċi u ta’ investiment f’Għawdex, qalet il-Knisja f’Malta. Dan hekk kif hemm diversi fatturi li jinfluwenzaw jekk investitur jagħżilx Għawdex jew le.
Filwaqt li tenniet li aċċessibbiltà aħjar bejn iż-żewġ gżejjer hi ta’ importanza strateġija nazzjonali, il-Kummissjoni Ambjent fi ħdan il-Kurja appellat għall-ogħla livell ta’ trasparenza, valur għall-flus, kompetizzjoni ta’ vera bejn kulmin hu interessat u fuq kollox, li l-proġett ikun sostenibbli minn kull lat.
Fuq kollox, dan m’għandux ikun proġett li joħloq impatti negattivi li, fl-aħħar mill-aħħar, ikollhom jitħallsu minn Għawdex u l-Għawdxin.
//= $special ?>