Sport Waterpolo

Il-vantaġġ sa nofs il-logħba determinanti għal Neptunes

EXILES ELIA CATERERS….. 9 NEPTUNES LEO VEGAS…… 10

(1-5), (2-3), (4-1), (2-1)

Neptunes Leo Vegas ħadu dak li riedu mill-ewwel logħba tal-kampjonat iżda kellhom jitħabtu lejn it-tmiem biex aċċertaw mir-rebħa. L-iskor finali ta’ 10-9 jagħti stampa differenti ta’ kif żvolġiet il-logħba, hekk kif Neptunes kellhom vantaġġ komdu sa nofs il-logħba ta’ 8-3, iżda rimonta minn Exiles wasslet biex naqqsu d-distakk għal gowl li ma kienx biżżejjed biex jieħdu xi ħaġa mil-logħba.

Kien Nicky Paris li poġġa lil Exiles minn fuq iżda Neptunes wieġbu b’ħames gowls konsekuttivi biex daħlu jistrieħu b’vantaġġ komdu ta’ 5-1. Jeremy Abela kompla jkabbar l-iskor fit-tieni sessjoni u wara li Mark Fenech naqqas id-distakk, Gabriel Pace u Niki Lanzon kabbru l-vantaġġ għal 8-2, b’Fenech jerġa’ jnaqqas id-distakk.

Sa dak il-ħin kien hemm biss tim wieħed fl-ilma, iżda gowls minn Philip Paris u Aurelien Cousin fl-ewwel żewġ minuti tal-logħba taw tama żgħira lil Exiles. Nikolai Zammit għamel l-iskor 9-5 iżda sa tmiem is-sessjoni Exiles skorjaw darbtejn minn Nicky Paris u Mark Fenech biex fetħu l-logħba qabel l-aħħar tmien minuti.

Nicky Paris naqqas id-distakk għal gowl fil-bidu tal-aħħar sessjoni iżda fl-attakk sussegwenti Jake Muscat irdoppja l-vantaġġ u serraħ ras il-kowċ Jovan Popovic li deher ftit inkwetat. Neptunes baqgħu jikkontrollaw u dixxiplinati fid-difiża fejn ma kkonċedewx sitwazzjoni ta’ raġel aktar lil Exiles. Kien fl-aħħar azzjoni tagħhom li Exiles naqqsu d-distakk b’gowl ta’ Michele Stellini.

Exiles: M. Castillo, C. von Brockdorff, A. Magri, M. Stellini (1), T. Sullivan, S. Xerri de Caro, M. Fenech (3), K. Griscti, N. Paris (3), A. Cousin (1), B. Lanzon, P. Paris (1), S. Apap, M. Martin

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (2), K. Erdogan, G. Pace (3), M. Castillo, J. Farrugia, J. Muscat (2), S. Busuttil, J. Abela (1), N. Zammit (2), S. Stellini, S. Gialanze, B. Busuttil, A. Fenech

Referees: Massimo Angileri, Ronnie Spiteri

Ta’ Xbiex ma japprofittawx b’vantaġġ numeriku f’nofs l-aħħar sessjoni

TA’ XBIEX AMIGOS……… 10 OTTERS NIVEA…………….. 12

(3-2), (1-5), (3-3), (3-2)

Bidu pożittiv għal Otters taħt it-tmexxija tal-kowċ il-ġdid Anthony Farrugia hekk kif għelbu lil Ta’ Xbiex Amigos f’logħba bilanċjata. Minkejja dan, ir-rebħa ta’ Otters kienet meritata hekk kif għarfu jżommu l-vantaġġ li kisbu fit-tieni sessjoni, anki jekk issugraw lejn it-tmiem wara li lagħbu għal nofs sessjoni bi plejer anqas.

Kienu Ta’ Xbiex li rebħu l-ewwel sessjoni 3-2 wara li ħadu vantaġġ doppju. Iżda Otters wettqu reazzjoni tajba fit-tieni sessjoni u permezz ta’ erba’ gowls minn Edward Meli, Jake Bonavia, Lucas Falzon u Luke Hyzler taw vantaġġ ta’ 6-3, bit-tim Għawdxi jżomm il-vantaġġ ta’ tliet gowls sal-ħin tal-mistrieħ.

Ta’ Xbiex baqgħu fit-tielet sessjoni iżda ma rnexxielhomx inaqqsu d-distakk iżda l-logħba seta’ kellha tmiem differenti wara li Edward Meli tkeċċa għal fawl ta’ brutalità u ħalla lil Otters b’raġel anqas għal erba’ minuti.

L-iskor b’erba’ minuti u 36 sekonda għat-tmiem kien 10-9 favur Otters. Ta’ Xbiex skorjaw il-penalty minn dik l-azzjoni u ġabu d-draw iżda minkejja s-superjorità numerika għal ħafna ħin, fallew diversi okkażjonijiet u naqsu li jmorru fil-vantaġġ. Kien penalty ta’ Luke Hyzler li reġa’ xaqleb il-miżien favur Otters, b’Jake Bonavia jiskorja gowl ikkordinat tajjeb biex għalaq il-logħba bi ftit aktar minn minuta għat-tmiem.

Ta’ Xbiex: Z. Sciberras, R. Greco, M. Demarco, J. Cachia, M. Carani (1), J. Saliba, D. Fenech (2), M. Mifsud, G. Blundell (1), G. Sammut (1), K. Tanti (5), N. Saliba, A. Theuma

Otters: M. Xerri, J. Bonavia (4), L. Falzon (1), L. Hyzler (2), E. Meli (3), C. Bugeja, K. Scicluna, D. Dimech, G. Mizzi, C. Teuma, G. Sammut (2), D. Camilleri

Referees: Alex De Raffaele, Stefan Licari

Kampjonat Premier

Illum:San Ġiljan v Sirens 4.15pm, Sliema v Valletta 5.30pm

Kampjonat I Diviżjoni

Illum: Marsaskala v Marsaxlokk 3.00pm