Sport

Jirritornaw f’pajjiżna l-atleti Maltin ta’ Special Olympics

Merħba lill-atleti u uffiċjali minn Special Olympics Malta illi f’dawn il-ġranet ħadu sehem fil-Logħob tad-Dinja li saru f’Abu Dhabi u li ntemmu lbieraħ biċ-Ċerimonja tal-Għeluq. Kif wieħed stenna kienu bosta ħbieb u familjari tal-atleti Maltin li kienu fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta sabiex jagħtu l-merħba mistennija lill-istess atleti.

Preżenti wkoll il-Kelliem għall-Isport tal-Partit Nazzjonalista Ryan Callus li feraħ lil istess kontinġent ta’ 28 atleta li ħadu sehem f’disa’ dixxiplini differenti mit-23 dixxiplina li kien hemm fil-programm mifrux mill-14 sal-21 ta’ Marzu.

F’dak li huwa meqjus bħala l-akbar kontinġent Malti fi Special Olympics, li fil-kompetizzjoni  ġew lura Malta bi 12-il midalja tad-deheb, 13 tal-fidda u 15 tal-bronż bil-midalji tad-deheb intrebħu fl-Atletika, fiċ-Ċikliżmu, fil-Bowling u fl-Għawm.

L-atleti oħra li kellhom pjazzament skont il-parteċipazzjoni tagħhom kienu tlieta fir-raba’ post, sitta fil-ħames post, ħamsa fis-sitt post, tlieta fis-seba’ post u tnejn fit-tmien post. Special Olympics Malta ħadu sehem fl-Atletika, Boċċi, Bowling, Ċiklizmu, Golf , Ginnastika Artistika, Għawm, Table Tennis  u Triathlon.