Ekonomija Kummerċ Lokali

Jispiċċa s-surplus; żbilanċ ta’ €63 miljun

Mill-bidu tas-sena ‘l hawn, il-Gvern kellu żbilanċ ta’ kważi €63 miljun bejn id-dħul u l-ħruġ tiegħu. Dan wara li fl-istess perjodu s-sena li għaddiet, il-Gvern kellu bilanċ ta’ kważi €19-il miljun.

Fl-istess xahrejn ta’ din is-sena, in-nefqa totali tal-Gvern żdiedet bi 17.7%. L-NSO qal li n-nefqa rikurrenti żdiedet bi kważi €74 miljun.

Id-dejn tal-Gvern żdied b’aktar minn €31 miljun meta mqabbel ma’ Frar tal-2018.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi, Mario Demarco, il-Partit Nazzjonalista qal li din ix-xeħta negattiva hija ta’ 436% fl-ewwel xahrejn tax-xahra meta kkumparata ma l-istess perjodu għas-sena 2018.

L-istess stqarrija tgħid li dan huwa l-ħames xahar li l-Gvern irreġistra deficit, jiġifieri minn Ottubru li għadda.

L-Oppożizzjoni qed titlob lill-Gvern għal aktar informazzjoni dwar din is-sitwazzjoni. L-istqarrija tgħid li l-Oppożizzjoni ilha s-snin twissi lill-Gvern dwar iż-żieda drastika fin-nefqa tal-Gvern. In-nefqa tal-Gvern hija ffinanzjata minn dħul ta’ darba jew mhux regolari, bħall-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.

L-istqarrija ttemm tgħid li l-Oppożizzjoni qegħda għal darboħra titlob għa responsabiltà fiskali u politika fl-interess tal-ġenerazzjonijiet futuri.