Lokali Qorti

Koppja b’tifla ta’ ħames snin u oħrajn jgħidu kif flimkien kienu jabbużaw mid-droga

Diversi persuni, fosthom koppja li meta seħħ il-każ kellhom tifla ta’ ħames snin irrakkontaw fil-Qorti kif huma kienu jabbużaw mid-droga eroina u kokaina u kif kienu jixtru u jbiegħu din id-droga biex jissodisfaw il-vizzju tagħhom. Dan il-każ wassal biex Mario Farrugia ta’ 48 sena ġie kkundannat sena ħabs wara li nstab ħati li kien ibiegħ din id-droga lil diversi persuni.

Mix-xhieda ħareġ kif dawn il-persuni, li kienu ħbieb kienu jmorru għand Farrugia, magħruf bħala “Il-Giża” u jaħarqu u jsajjru d-droga għandu. Kien hemm każijiet fejn id-droga kienet tittieħed mhux biss għand Farrugia, imma fil-propjeta’ tal-ħbieb tiegħu, li kollha qalu fix-xhieda tagħhom li kienu jixtru d-droga mingħandu jew mingħand tfajla, li kienet ukoll ħabiba tagħhom.

Ix-xhieda kollha kienu mwissija mill-Qorti preseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri, li setgħu jinkriminaw ruħhom b’dak li kienu se jgħidu, madankollu huma xorta għazlu li jixhdu. Il-każ kien seħħ fis-27 ta’ Marzu, 2009 u matul is-sena ta’ qabel.

Chantelle Mallia qalet li lejn l-ahhar tax-xahar ta’ qabel kienet giet arrestata wara li daħlu fuqhom il-Pulizija d-dar fejn tirrisjedi hi, kienu sabu xi affarijiet relatati mad-droga. Qalet li fid-dar kienu jgħixu wkoll bintha ta’ ħames snin u Stephen Borg. Qalet li dak inhar kien hemm hi, Lorraine, Natalino u Joseph maghruf bhala “It-Tusu”.

Mistoqsija tgħid x’sabu l-Pulizija li kien relatat mad-droga, wieġbet li sabu: “zewg flixken li jissejħu pipa, flixken tal-ammonja li kien tiegħi, dawn kollox tieghi li qed ngħidlek. U kien hemm miżien li ma kienx tiegħi”. Qalet li l-miżien kien ta’ ċerta Lorraine.

Mistoqsija tgħid fejn kien Stephen dak il-ħin, qalet li ma tafx, pero’ qalet li ftit qabel Stephen kien ghand Mario Farrugia. Mistoqsija tghid min għand min kienet tixtri d-droga, qalet li kienet tixtrieha mingħand hafna nies, fosthom “Il-Giża”. Qalet li minn għandu kienet tixtri d-droga kokaina u mistoqsija tgħid kif kienet tagħmel biex tixtri d-droga minn għandu, qalet li ġieli kien ikun għandhom u ġieli kienu jmorru għandu f’Santa Venera.

Mistoqsija tghid kemm kienet thallas ghad-droga, qalet li mhux dejjem l-istess,“ġieli 100 u ġieli 150 u anke 80 Euro”. Qalet li dejjem kokaina xtrat. Mistoqsija tghid min kien isajjar d-droga meta kienet tkun ghand Farrugia, qalet li normalment kienu jsajjruha hi jew Stephen, pero’ iżda ġieli kien sajjarha l-istess Farrugia. Qalet li Stephen huwa missier it-tifla tagħha. Tghid li kienu jixtru l-kokajina minn ghand Lorraine ukoll.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Robert Vella u Elton Taliana qalu wkoll li kienu ilhom josservaw movimenti f’residenza fi Triq in-Naxxar, Birkirkara ta’ certu Stephen Borg maghruf bhala l-Melliehi.
Fis-26 ta’ Marzu 2009 irċevew informazzjoni li Stephen Borg u persuni oħra kienu qed jixtru d-droga eroina u kokaina minn għand Farrugia.

Qal li l-ġurnata ta’ wara, cioé fis-27 ta’ Marzu 2009, kien ġab żewġ Mandati ta’ Tfittxija u Arrest fir-rigward taż-żewg residenzi msemmija u li Spettur Robert Vella u Pulizija oħra marru fil-post ta’ Santa Venera fejn gie mifqugħ il-bieb tar-residenza fejn ma kien hemm hadd.

Sostna li fuq mejda fil-“living room” instabu hafna affarijiet, fosthom droga u affarijiet relatati magħha. “Sibna kemm trab abjad u kemm trab kannella u kif ukoll kien hemm xi pipa, flixkun tal-Pepsi bl-istraw ħierġa minnha, biċċiet tal-foil maħruq, mgħarfa wkoll maħruqa, biċċiet tar-riżla u xi affarijiet ohra”

Jghid li fil-cupboard kien hemm kontenitur bi trab abjad suspettat li huwa kokaina fejn kien hemm ukoll xi boroż tal-plastik imqattgħin kif ukoll “sachets” u xi foil magħluq. Qal li ġew elevati wkoll żewġ mobiles u sim card ta’ Farrugia.

Joseph Calleja, magħruf bħala “it-Tusu”, qal li fl-aħħar ta’ Marzu 2009 ġie arrestat peress li kien għand Stephen Borg. Tenna li hekk kif wasal Stephen Borg ma kienx fuq il-post pero’ kien hemm Chantelle, Natalino u Lorraine, fejn filwaqt li Lorraine kienet qed tieħu l-kokaina, Natalino kien qed jaħraq l-ismack.

Qal li hu (Joseph) kien imur hemm sabiex jieħu d-droga u li d-droga kien jixtriha jew minn ghand Farrugia jew minn ghand Lorraine. Qal li xtara kokaina minn għand “Il-Giża” madwar tliet darbiet, li ta’ gramma kien izommlu €80.00 u li l-imputat kien jagħtihielu f’ponta ta’ borża u li dak il-ħin kien isajjarha fuq mgħarrfa u jpejjipha.

Xehed ukoll Stephen Borg, magħruf bhala “il-Mellieħi” qal li kien flimkien ma’ Patrick “In-Naqqu” u Frans Putatti f’’residenza f’Santa Venera ghand Farrugia. Qal li hu u Frans Putatti marru jixtru x’jieklu u x’ħin kienu sejrin lura għand Farrugia, f’Santa Venera raw lill-Pulizija u baqgħu għaddejjin.

Tenna li l-Pulizija marru għandu (ghand Stephen Borg) u x’ħin ra l-Pulizija fejn id-dar tiegħu, baqa’ sejjer u l-għada mar l-Ghassa tal-Pulizija għax baghat għalih l-iSpettur. Mistoqsi jgħid x’kien qed jagħmel għand Farrugia, qal li kienu jpejjpu l-kokaina li ġiet mogħtija lilu minn Patrick u Farrugia. Qal li mar hemm ħafna drabi u li kien imur sabiex jieħu l-kokaina.

Qal ukoll li l-kokaina ġieli ħadha d-dar u li kien ħallas ghaliha mitt Euro 100 u anke €150 u dan skond kif tkun tidher fuq il-miżien. Mitlub jgħid kemm nefaq flus minħabba d-droga ghand Farrugia, qal li f’perjodu ta’ sitt xhur nefaq madwar €2,000. Jghid li apparti minn ghand Farrugia, kien jixtri wkoll minn għand Patrick u minn ghand Lorraine.

Kompla jgħid li minħabba d-droga għandu madwar €400.00 dejn mal-“Giża” Qal ukoll li minħabba d-droga ghandu għand Farrugia, ċurkett u arloġġ. Mistoqsi jgħid jekk kienx imur ma’ xi ħadd meta kien imur jixtri d-droga, qal: “Le ġieli mmur wahdi u neħodha għandu u ġieli għandi hux”. Mistoqsi jgħid għala kien imur għandu, wieħeb: “Jigi ghandi u jgibli l-kokajina u jew nehduha flimkien jew jitlaq”. Jgħid li qatt ma kellu argumenti ma’ Farrugia.

Xehed ukoll Patrick Borg, magħruf bħala “in-Naqqu” fejn qal li kien ġie arrestat peress li kien għand Farrugia u li kien qed juża d-droga eroina li ġiet mogħtija lilu mill-“Giża”. Qal li jaf lill-“Giża” bhala ħbieb u li hu (Patrick) mar ghandu u tahielu. Tenna li għal pakkett wieħed ta’ eroina, li minnu toħroġ ftit linji, ħallas €50.00.

Il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni tan-natura serja tar-reati, dak li jirriċulta mix-xhieda ta’ Noel Cassar, rappreżentant tal-Caritas, fejn spjega li waqt li Farrugia kien qed jiskonta piena ta’ priġunerija fuq każ ieħor, huwa spiċċa programm li ghamel mal-Caritas. Minbarra 12-il xahar ħabs Farrugia ġie mmultat €1,500. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Elton Taliana u Robert Vella.