Lokali

Kunsill immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista fix-Xagħra jagħmel id-differenza

Anke fix-Xagħra Għawdex hu importanti li fil-25 ta’ Mejju li ġej, ikun hemm vot favur il-Kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista.

Dan għax huma biss il-Kunsilliera eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista li qed iwegħdu li jwettqu mill-aktar fis ix-xogħolijiet li għadhom pendenti fil-lokalità, ladarba fl-aħħar snin, il-Gvern baqa’ ma għinx fil-ħtiġijiet reali tan-nies.

Hekk qal il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament David Agius fi tmiem żjara mar-residenti u l-komunità kummerjali ta’ din il-lokalità ċkejkna fil-gżira Għawdxija.

Akkumpanjat mill-Kandidati għall-elezzjoni lokali u tal-Parlament Ewropew, kif ukoll mid-Deputati Nazzjonalisti f’Għawdex, David Agius semma’ wkoll id-diffikultajiet li jgħaddu minnhom ir-residenti tax-Xagħra.

Hu fakkar ukoll kif fi żmien Gvern Nazzjonalista, ingħalqet il-Miżba tax-Xagħra biex minflok, kien proġettat park tal-familja. Iżda dal-Gvern għażel li ma jagħmel xejn.

U dan juri d-differenza ta’ kif iż-żewġ partiti politiċi ewlenin iħarsu lejn Għawdex. Għalhekk hu importanti li kull Kandidat tal-Partit Nazzjonalista jingħata l-appoġġ mix-Xagħrin ukoll.