Skont regolamenti li baqgħu ma ġewx riveduti tul is-snin, Learning Support Educators fl-iskejjel tagħna huma mistennija li jqandlu iktar piż minn bennej.
Dan għaliex skont dokument li jagħti d-deskrizzjoni tax-xogħol tagħhom jgħid li huma għandhom jerfgħu piż sa 27kg waħedhom. Jiġifieri aktar minn kantun tas-sebgħa li jiżen 26kg u 650 gramma.
Waqt konferenza għall-ġurnalisti, il-Union tal-Edukaturi Professjonali (UPE), tkellmet dwar it-tħassib serju dwar il-linji gwida tal-piżjijiet indikati fid-deskrizzjoi tax-xogħol. Dan ukoll fid-dawl tan-nuqqas totali ta’ taħriġ speċifiku u professjonali lill-LSEs fil-mod kif għandu jsir it-tqandil.
Graham Sansone, Kap Eżekuttiv tal-UPE qal li wara laqgħa li kellha l-Union ma’ Frank Fabri fit-8 ta’ Marzu, is-Segretarju Permanenti fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni, il-Union ma ngħatatx serħan tal-moħħ dwar din is-sitwazzjoni u Fabri qallhom biss li se jkunu qed jirċievu risposta mingħand l-awtorità konċernata. Sa issa, il-Union għadha ma rċeviet l-ebda risposta.
Sansone spjega wkoll li l-piż li l-LSEs huma mistennija li jerfgħu huwa eżaġerat anke meta wieħed iqis li f’ċertu każi l-LSEs ikunu qed jerfgħu tfal li jkollhom aġir diffiċli u għaldaqstant huwa ferm aktar diffiċli biex l-LSE tikkontrolla lit-tifel jew tifla mingħajr risku li dawn iweġġgħu. Dan naturalment ukoll minbarra r-riskju li jweġġgħu l-LSEs.
Il-Union qalet li mhux se tittollera linji gwida li jmorru kontra standards internazzjonali u morali fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà fix-xoghol u li tinsab lesta li tressaq din il-kwestjoni quddiem l-Aġenzija Ewropea tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol jekk il-Gvern jibqa’ ma joffrix soluzzjoni sensibbli.
Stqarrija maħruġa mill-MUT
L-MUT bħalissa għaddejja minn proċess sabiex il-Job Descriptions tal-gradi kollha li l-MUT għandha l-għarfien tagħhom (recognition) fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja, inkluż dak tal-LSEs, jiġu riveduti.
Filfatt diġa’ nħolqu working groups, magħmulha minn membri tal-MUT li xtaqu jkunu fihom, fejn hemmhekk saru listi ta’ proposti b’dawn it-tibdiliet. L-MUT issa waslet fil-fażi li tiffinalizza d-diskussjonijiet mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u filfatt hemm laqgħat diġa’ skedati mad-Direttorat f’dan is-sens.
//= $special ?>