Mill-istaġun li ġej se jkun hemm anqas barranin fl-ogħla diviżjonijiet tal-irġiel u tan-nisa hekk kif waqt laqgħa tal-Kunsill tal-MBA. Dan wara li ttieħdet id-deċiżjoni kważi unanima mill-klabbs u l-Kunsill tal-President li fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-irġiel il-barranin jitnaqqsu minn tlieta għal tnejn biex b’hekk irid ikun hemm dejjem tal-anqas tliet plejers Maltin fil-court il-ħin kollu.
Fil-kampjonat tan-nisa, mill-istaġun li ġej irid ikun hemm dejjem tal-anqas erba’ plejers Maltin jiġifieri plejer barranija biss, wara li f’dan l-istaġun kienu wkoll bi tliet barranin. Fil-kampjonat tad-Dilettanti tal-irġiel, mhux se jkun hemm restrizzjoni kemm jilagħbu barranin fl-istess ħin.
Fil-bidu tal-istaġun, il-Malta Basketball Association għamlet esperiment bl-għan li jogħla l-livell tal-plejers. Fis-snin passati kien hemm l-introduzzjoni ta’ dak li jissejjaħ barrani lokali li jkun plejer barrani li jaħdem f’pajjiżna u jilgħab il-basketball. Permezz ta’ din ir-regola ġdida, ma kienx hemm distinzjonijiet fil-barranin.
Waħda mill-għanijiet tad-deċiżjoni fil-bidu tal-istaġun kienet biex jiżdiedu l-klabbs u l-plejers Maltin ikollhom għajnuna biex jitjiebu għaliex jieħdu esperjenza minn plejers barranin aħjar minnhom.
Dan is-sit għamel kuntatt mal-President tal-Malta Basketball Association Paul Sultana fejn qal li huma waslu għal din id-deċiżjoni hekk kif minkejja li kien tajjeb li l-logħbiet kienu qed ikunu sbieħ, ried jinstab bilanċ minħabba li ż-żgħażagħ Maltin kien qed ikollhom anqas ċans jilagħbu.
Hu żied li l-maġġoranza tal-klabbs kienu xorta qed jilagħbu b’żewġ barranin minħabba l-piż finanzjarju fuq il-klabbs u għalhekk waslu għad-deċiżjoni kważi bi qbil bejn kulħadd.
B’hekk mill-istaġun li ġej l-Ewwel Diviżjoni jkun b’żewġ barranin, il-kampjonat tan-nisa li teżisti possibbiltà li jiżdied għal ħames timijiet ikun bi plejer barrani biss filwaqt li l-kampjonat tad-Dilettanti ma jkollux limitu fuq il-barranin.
//= $special ?>