Fil-jiem li għaddew ġiet organizzata t-tielet edizzjoni ta’ The Underworld Games mill-gym The Pit. Din l-edizzjoni kienet speċjali għaliex għall-ewwel darba l-atleti pparteċipaw f’timijiet ta’ tnejn, b’parteċipazzjoni tajba kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa.
B’kollox kien hemm parteċipazzjoni rekord ta’ aktar minn 90 parteċipant kif ukoll diversi nies li ġew jagħtu s-sapport lill-atleti f’kompetizzjoni missielta. Spikkat il-preżenta ta’ numru ta’ atleti barranin li ħadu sehem minn diversi gyms differenti f’pajjiżna.
Waqt din l-edizzjoni kien hemm total ta’ tliet kategoriji. Dawn huma RX li hi l-aktar kategorija diffiċli, Scaled Men li fiha jieħdu sehem l-aktar irġiel li huma ġodda f’dan l-isport u t-tielet kategorija hi dik tan-nisa.
Fost il-prestazzjonijiet li spikkaw kien hemm dawk tal-plejer ta’ 17-il sena Matthew Tabone li jilgħab il-waterpolo u l-ġinnasta Kelsey Spiteri ta’ 14-il sena li kienu l-iżgħar żewġ atleti.