Knisja Lokali

Proċess delikat biex il-Kurċifiss Mirakoluż jerġa’ jingħata l-qima u r-rispett li jistħoqqlu

M’għandniex biss nirrestawraw, iżda aktar minn hekk nikkonservaw għall-futur.

Kien b’dan il-ħsieb f’moħħhom li l-membri tal-Arċikonfraternità tal-Kurċifiss Mirakoluż bdew il-proċess ta’ restawr delikat u konservazzjoni fuq il-Kurċifiss Mirakoluż, miżmum fil-Knisja ta’ Ġieżu, fil-Belt.

NET News tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-proċess fuq ikona meqjusa minn ħafna bħala ġojjell nazzjonali mar-Restawratur Ewlieni Dun Charles Vella.

Aktar informazzjoni ngħatat waqt Simpożju fil-Knisja Ta’ Ġieżu, fil-preżenza fost l-oħrajn tas-Sindku tal-Belt Christian Micallef.

Il-leġġenda tgħid li waqt li kien qed jiskolpi dan il-Kurċifiss, Dun Innocenzo de Petralia ma setax iġib wiċċ Ġesù kif xtaq. Iżda darba qam u sab il-wiċċ lest. Kien minn din il-leġġenda li dan il-Kurċifiss ħa t-tilu ta’ Mirakoluż.

Sa mis-seklu sbatax, dan il-Kurċifiss ġab devozzjoni kbira mill-Kristjani u jinżamm b’għożża fost il-Patrijiet Franġiskani. Madankollu, l-elementi tan-natura ħallew l-impatt tagħhom fuq din ix-xbieha, tant li x-rays u testijiet xjentifiċi oħrajn li saru fuqu urew li dan kien qed jiddeterjora b’pass mgħaġġel.

Il-membri tal-Arċikonfraternità ndunaw b’dan meta rċievew talba mid-Djoċesi Għawdxija biex il-Kurċifiss jittella’ għal Pellegrinaġġ. Iżda, kif jispjega s-Segretarju tal-Arċikonfraternità Anton Cassar, meta ttieħed il-parir tekniku, dan ma kienx suġġerit.

U minn hemm beda l-proċess, li mistenni jwassal biex il-Kurċifiss Mirakoluż ikun inawgurat fl-ewwel ġimgħa ta’ Mejju, għall-Festa tas-Salib Imqaddes.

Fost l-oħrajn, il-proċess inkluda wkoll trattament ta’ ditossifikazzjoni biex tinqered kwalunke traċċa ta’ parassita li kienet qed tattakkah.

Fil-proċess sar ukoll tindif tax-xbieha ta’ Kristu u anke tas-Salib, filwaqt li sar konsolidar u restawr tal-partijiet li kienu qed jiddeterjoraw. B’hekk, issa jista’ jsir monitoraġġ sew tal-ambjent tan-niċċa, fost l-oħrajn billi tkun ikkalkulata t-temperatura u l-umdità kull siegħa.

Dan għandu jwassal biex il-Perit Andrew Ellul jara li fil-futur, il-Kurċifiss jinżamm fl-aħjar klima possibbli. Dan minbarra x-xogħol ta’ restawr f’żewġ pitturi li jinsabu qrib in-niċċa u anke fil-Kappella qrib, iddedikata lill-Kurċifiss.