Internazzjonali

Qbil dwar żewġ dati possibbli għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE

Wara tmien sigħat ta’ taħdidiet, il-mexxejja tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea qablu li d-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE tkun estiża sat-22 ta’ Mejju jekk id-Deputati fil-House of Commons jaqblu mal-ftehim negozjat mal-Gvern Ingliż.

Iżda, jekk għal darb’oħra, il-ftehim ma’ jgħaddix minn Westminster, l-estensjoni ta’ Brexit se tkun sat-12 ta’ April u l-mod kif ir-Renju Unit se joħroġ mil-UE hu f’idejn l-istess pajjiż.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet eżatt wara li tħabbar dan il-qbil, il-Prim Ministru Ingliż Theresa May qalet li se taħdem qatigħ sabiex tikseb l-appoġġ meħtieġ sabiex il-ftehim ta’ ħruġ ikun approvat mill-Parlament. Għaldaqstant, id-Deputati mistennija jivvutaw għat-tielet darba dwar dan il-ftehim il-ġimgħa d-dieħla minkejja d-dubji li qajjem ir-ruling tal-iSpeaker John Bercow iktar kmieni din il-ġimgħa.

F’konferenza tal-aħbarijiet separata, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk qal li sat-12 ta’ April, li hi l-aħħar data li fiha r-Renju Unit għandu ċans jindika jekk hux se jieħu sehem fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, kollox hu possibbli. Hemm ċans ta’ Brexit bi qbil, ċans ta’ Brexit mingħajr ftehim, estensjoni twila jew saħansitra revoka tal-Artiklu 50.