Futbol Sport

Rebħa għaż-żgħażagħ Maltin kontra t-Turkmenistan

(Ritratt: MFA)

MALTA………………… 2 TURKMENISTAN… 1

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena kiseb rebħa ta’ 2-1 kontra t-Turkmenistan f’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet f’Antalya fit-Turkija. Din hi l-ewwel logħba minn tnejn skedati għaż-żgħażagħ Malti f’dan il-kamp ta’ taħriġ ta’ ġimgħa. Aktar milli r-rebħa, din l-esperjenza hi importanti biex il-kowċ Silvio Vella jara aħjar lil dawn il-plejers hekk kif l-iskwadra fiha diversi elementi ġodda.

Malta kellha bidu tajjeb kif ukoll l-aħjar okkażjonijiet fl-ewwel taqsima. Fit-tieni taqsima ż-żgħażagħ Maltin kienu konċentrati biżżejjed biex jerġgħu jmorru fil-vantaġġ wara li kienu sofrew il-gowl tad-draw.

L-ewwel okkażjoni nħolqot wara disa’ minuti permezz tad-difensur Kurt Shaw li ra x-xutt b’saħħtu jgħaddi ftit għoli. Malta fetħet l-iskor fis-27 minuta meta minn korner mix-xellug ta’ Aidan Friggieri, il-ballun spiċċa għand il-plejer ta’ Mosta Zachary Brincat li skorja b’xutt fil-baxx għar-rokna.

It-Turkmenistan marret qrib il-gowl fl-34 minuta meta Borjakov Ali prova mid-distanza iżda l-gowlkiper Malti Andreas Galea kien attent u salva tajjeb. Friggieri kellu ċans jirdoppja qabel tmiem l-ewwel taqsima meta rċieva kross ta’ Myles Beerman iżda xxuttja barra minn pożizzjoni ideali.

L-iskor sar indaqs erba’ minuti fit-tieni taqsima b’penalty ta’ Myrat Rahman wara li r-referee Tork iġġudika li l-ballun ħabat ma’ plejer Malti fil-kaxxa, bil-plejers Maltin jipprotestaw li l-ballun ħabat barra l-kaxxa.

Iżda ż-żgħażagħ Maltin reġgħu marru fil-vantaġġ fis-56 minuta. Kien il-plejer ta’ St. Andrews Aidan Friggieri li skorja b’xutt sabiħ għan-naħa ta’ fuq tar-rokna minn angolu ristrett. It-tim Malti jilgħab it-tieni logħba ta’ ħbiberija nhar it-Tlieta kontra l-Kosovo.

Malta: A. Vella, M. Sansone (Z. Grech 46’), C. Zammit, K. Shaw, N. Pulis, J. Borg, A. Friggieri (J. Tanti 65’), M. Grima, Z. Brincat (P. Mbong 85’), J. Busuttil (N. Frendo 72’), M. Beerman