“Irridu nippruvaw nirbħu l-logħba. Tkun xi ħaġa sabiħa li nirbħu għaliex il-poplu Malti u aħna ilna nistennew għal żmien twil.” Kliem il-kowċ nazzjonali Malti Ray Żażu Farrugia lejliet d-debutt tat-tim nazzjonali Malti fi Grupp F għall-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew kontra l-Gżejjer Faroe.
L-aħħar rebħa kompetittiva ta’ Malta f’Ta’ Qali tmur lura għal 11 ta’ Ottubru tal-2006 meta dakinhar it-tim Malti kien rebaħ 2-1 kontra l-Ungerija b’doppjetta ta’ Andrè Schembri.
It-tim Malti għadu kemm lagħab darbtejn kontra l-Gżejjer Faroe, b’telfa ta’ 3-1 f’Settembru u draw f’pajjiżna ta’ 1-1 f’Novembru. Farrugia qal li dan il-fatt hu ta’ vantaġġ għalih u t-tim għaliex b’hekk huma jafu aħjar lill-avversarji.
Fil-logħbiet tal-UEFA Nations League, il-kowċ nazzjonali prova jintroduċi sistema li t-tim jippressa aktar ‘l fuq fil-pitch minflok jilqa’ l-ħin kollu. Mistoqsi dwar dan, Farrugia qal li hu punt pożittiv li t-tim skorja l-gowls fl-aħħar logħbiet u ta ħjiel li t-tim se jkun qed joħroġ għar-rebħa.
“Telfa hi telfa, irrispettabbli mir-riżultat. Però meta tlifna 3-1 kontra l-Gżejjer Faroe, kienet waħda mill-aqwa logħbiet tagħna u fit-tieni taqsima kien ħaqqna nirbħu.”
Ray Farrugia kompla li għadhom qed jiddeċiedu fuq is-sistema u l-plejers li se jilgħab bihom u żied li d-deċiżjoni tittieħed biss wara l-aħħar sessjoni ta’ taħriġ. Minkejja dan, Farrugia żvela li se jkun hemm plejers li se jkunu qed jagħmlu d-debutt f’dan il-konfront.
Farrugia għamel aċċenn dwar il-fatt li kellu l-plejers għad-dispożizzjoni ftit jiem qabel. “Il-plejers irrispondew tajjeb ħafna u bħalissa qed nippreparaw pass pass imma l-plejers huma ppreparati sew u mhux qed naħsbu fil-logħba kontra Spanja. Dik naħsbu għaliha eżatt wara din il-logħba” Hu faħħar it-tim tekniku li għandu miegħu u tenna li huma lesti għal din il-logħba.
Preżenti wkoll id-difensur Steve Borg. Hu qal li kull logħba għandha l-pressjoni tagħha iżda l-objettiv prinċipali hu r-rebħ tat-tliet punti. “Kull logħba titgħallem bl-esperjenza imma qed niffukaw 100% fuq din il-logħba.
Mistoqsi x’inhi d-differenza prinċipali bejn it-tim Malti u l-avversarji, Borg qal li hemm differenza fil-faċilitajiet u l-finanzi, kif ukoll li l-plejers tal-Gżejjer Faroe għandhom opportunità akbar li jilagħbu f’kampjonati aħjar minn tagħhom.
//= $special ?>