Lokali

Zammit Dimech kommess li jkompli jkun il-vuċi tad-dijabetiċi

L-MEP Francis Zammit Dimech f'laqgħa ma' ma’ Ignacio Garamendi, Maniġer Reġjonali tal-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete - Reġjun Ewropa

“Matul l-aħħar snin, jien għamilt ħames proposti lill-gvern biex jappoġġja pazjenti dijabetiċi u l-familji tagħhom. Ressaqt ukoll it-tħassib tagħhom fuq livell Ewropew. Id-dijabete se jibqa’ wieħed mill-prijoritajiet tiegħi fil-Parlament Ewropew.” L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan wara laqgħa ma’ Ignacio Garamendi, Maniġer Reġjonali tal-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete (Reġjun Ewropa), fl-uffiċini tal-Federazzjoni fi Brussell.

Waqt il-laqgħa, Ignacio Garamendi tkellem dwar il-bżonn li jkun hemm informazzjoni u statistika dwar id-dijabete madwar l-UE, u l-bżonn ta’ sforz konkret biex tinġabar l-informazzjoni. Dwar dan, Francis Zammit Dimech qal li dan hu kruċjali wkoll għal min jagħmel il-politika, biex jieħdu azzjoni konkreta bażata fuq informazzjoni xjentifika u biex il-politika tkun ibbażata fuq hekk.

L-IDF irringrazzjat lil Zammit Dimech għall-appoġġ biex jorganizza kampanji ta’ għarfien matul il-ġimgħa tal-Jum Dinji tad-Dijabete. Hu wiegħed aktar appoġġ għal dawn l-inizjattivi. Zammit Dimech wiegħed ukoll li jressaq ‘il quddiem politika marbuta mas-saħħa fuq l-aġenda tal-UE.

F’reazzjoni għall-aħbar li l-Continuous Glucose Monitors se jingħataw lil tfal dijabetiċi f’Malta, Zammit Dimech qal, “Kuntent li fl-aħħar, wara sena mill-ewwel appell li għamilt, tfal dijabetiċi se jingħataw il- Continuous Glucose Monitors b’xejn.” Zammit Dimech kien kiteb darbtejn lill-Ministru tas-Saħħa (f’April u Ġunju 2018) u appellalu biex il- Continuous Glucose Monitors ikunu disponibbli, wara li diversi ġenituri tkellmu miegħu wara Konferenza Nazzjonali fuq id-Dijabete li kien organizza f’Jannar tas-sena li għaddiet. Zammit Dimech qal li sfortunatament, matul is-sena li għaddiet, it-tfal kellhom jużaw labar ta’ 6mm, peress li l-Gvern ma tahomx labar ta’ 4mm fin-nuqqas tal- Continuous Glucose Monitors.

Zammit Dimech, li hu l-ko-Ċermen tal-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Dijabete fil-Parlament Ewropew, qal li din kienet it-tielet proposta li kien għamel u li eventwalment ġiet addottata mill-gvern. Dawn il-proposti kienu jinkludu li l- Continuous Glucose Monitors ikunu disponibbli, l-introduzzjoni ta’ infermier għad-dijabete fl-Isptar ta’ Għawdex, u t-twaqqif ta’ Kumitat Parlamentari biex jiddiskuti d-dijabete. Zammit Dimech fakkar fl-appell li għamel lill-Gvern biex jipprovdi lid-dijabetiċi b’lancet device.

Zammit Dimech qal li jinsab fi proċess li jiltaqa’ ma’ aktar stakeholders dwar id-dijabete, u fil-jiem li ġejjin se jkun qed iressaq aktar proposti biex itejjeb il-ħajja tad-dijabetiċi. “Jien inwiegħed li se nkompli nkun il-vuċi tad-dijabetiċi billi nitkellem għalihom u għall-bżonnijiet tagħhom,” qal Zammit Dimech.