L-iskema li habbar il-Gvern Laburista biex pensjonanti jissellfu l-flus billi jitfgħu d-dar tagħhom bħala garanzija huwa att iddisprat mill-Gvern.
Dan għaliex minflok ma jipprova jindirizza l-problema reali tal-inadekwatezza tas-sistema nazzjonali tal-pensjonijet billi jirrevedi s-sistema, qed ikompli jitfa’ l-piż fuq il-pensjonanti u l-werrieta tagħhom.
Iddikjara dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa minn Mario De Marco kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-finanzi u Claudio Grech Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, s-Solidarjetà Soċjali, l-Pensjonijiet, id-Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li qed ngħixu f’pajjiż fejn wieħed minn kull ħames pensjonanti qed jgħix fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar, fejn in-numru ta’ pensjonanti li qed jaffaċjaw il-faqar qiegħed kull sena jiżdied.
Is-soluzzjoni tal-Gvern għal din is-sitwazzjoni, li ġab b’idejh, hija li jibgħat lill-anzjani tagħna jiddejnu, biex imbagħad id-dejn tagħhom iħallsuh uliedhom. L-anzjani u l-pensjonanti tagħna llum għandhom bzonn il-flus mhux biex isiefru, mhux biex jagħmlu l-kapriċċi imma biex jixtru l-affarijiet essenzjali nkluż l-ikel u l-mediċini.
Il-Partit Nazzjonalista jgħid li l-Gvern flok jara li jsaħħaħ il-pensjonijiet u jagħmilhom aktar adekwati f’ċirkostanzi fejn il-ħajja qed togħla bla kontroll, qiegħed jgħid lill-anzjani biex jiddejnu sabiex imbagħad iħallsu wliedhom, u jekk dawn ma jħallsux il-propjetà tal-anzjani flok ma tgħaddi lill-werrieta tagħmel tajjeb għall-Gvern.
Dan huwa Gvern li tilef kull sens ta’ ġustizzja soċjali u li ma jimpurtahx min-nies vulnerabbli, jiddikjara il-Partit Nazzjonalista .