Lokali Sport

Ċentru Sportiv fis-Siġġiewi msemmi għal John Debattista eks uffiċjal tal-Għaqda Ġurnalisti Sports

Il-Komunità Sportiva tas-Siġġiewi dalgħodu ngħaqdet għall-avveniment  uniku hekk kif iċ-ċentru sportiv tal-lokalita’ ingħata l-isem John Debattista Siġġiewi Sports Complex.Kienet okażjoni unika hekk kif diversi nies li ħadmu mill-viċin ma’ John Debattista tul ħajtu f’diversi setturi kellhom l-opportunita’ li jiltaqgħu mal-familjari tiegħu u jfakkru l-ħidma li għamel b’risq il-kommunita’ sportiva tas-Siġġiewi, fi ħdan l-Għaqda Kittieba Sports (Illum Għaqda Ġurnalisti Sports) u f’diversi setturi oħra volontarji li John kien involut.

Preżenti fost oħrajn is-Sindku tas-Siġġiewi Dr Alessia Psaila Zammit, kunsilliera mil-istess lokalita’, l-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Isport l-Inġinier Ryan Callus, Carmelo Aquilina li ħadem ma’ John biex jitwaqqaf il-Club tal-Basketball u Charles Camenzuli President tal-AIPS Europe li ħadem għal snin twal ma’ John Debattista fl-assoċjazzjoni tal-ġurnalisti tal-isport.

Preżenti wkoll uffiċjali tas-Siġġiewi FC, Siġġiewi FC Nursery, Siġġiewi Basketball Club u Siġġiewi Rowing Club li kollha ingħaqdu mal-familja estiża ta’ John li kienu preżenti nkluż l-armla tiegħu s-Sinjura Vivienne Debattista. Il-ġurnata tal-lum waslet wara li l-Kunsill Lokali sa minn ġimgħat wara l-mewt ta’ John Debattista kien approva mozzjoni sabiex il-kumpless sportiv jisemma’ għalih. Wara diskussjoni mal-għaqdiet sportivi l-isem tpoġġa issa viżibilment fuq it-tabella ewlenija tal-Kumpless.L-Avveniment tal-lum kien orgnizzat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.