Charlie, il-kelb tad-Dwana, irnexxielu jaqbad €14,000 fi flus kontanti mhux iddikjarati.
Dan qalu l-Uffiċċju tad-Dwana fi stqarrija li fiha spjega li l-flus kienu taħlita ta’ ewro, dollaru Amerikan, lira Torka u r-riyal tal-Arabja Sawdija. Din il-ħidma saret b’kollaborazzjoni bejn it-Taqsima tal-Klieb u t-Taqsima ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan l-Uffiċċju tad-Dwana.
L-uffiċjali ntebħu b’dan ir-reat permezz ta’ Charlie dalgħodu, li xamm il-bagalja ta’ passiġġier mill-Jemen li kien qed jistenna biex jirkeb l-ajruplan b’titjira għal Istanbul. Meta fittxew, l-uffiċjali sabu €14,064 fi flus kontanti fuq il-passiġġier.
It-Taqsima tal-Pulizija ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus ġiet infurmata u r-raġel qed jinżamm taħt arrest sakemm titwettaq investigazzjoni.
//= $special ?>