Is-Sindku tal-Fgura Pierre Dalli u l-Kunsillier Saviour Camilleri nstabu ħatja mill-Bord tal-Governanza Lokali dwar ksur tal-Liġi dwar il-Kunsill Lokali.
Il-każ imur lura għall-Ħamis 29 ta’ Novembru 2018 meta s-Sindku nsista li ssir diskussjoni dwar mistoqsijiet li tressqu f’din il-laqgħa mill-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello.
Madankollu dan imur kontra l-Liġi tal-Kunsill Lokali, li tgħid b’mod ċar u tond li kull mistoqsija għandha ssir u tiġi mwieġba mingħajr diskussjoni.
Meta Charles Bonello nnota dan u oġġezzjona mas-sedja b’numru ta’ points of order, mhux talli ma ngħatax raġun anzi spiċċa akkużat mill-Kunsillier Laburista Saviour Camilleri li qed jipprova jagħmillu sarima ma’ ħalqu.
Fid-dawl ta’ din l-akkuża li saret b’mod ripetut, Charles Bonello għal diversi drabi talab il-protezzjoni tas-sedja iżda ġie njorat u din il-protezzjoni ma ngħatatx. Dan apparti li s-Sindku ppropona li r-risposti jingħataw fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Lokali, ukoll bi ksur tar-regoli tal-liġi dwar il-Kunsill Lokali.
Filfatt, fid-deċiżjoni tal-Bord, Charles Bonello ngħata raġun u joħroġ biċ-ċar li kellu kull dritt isaqsi kull mistoqsija li għandha x’taqsam max-xogħol tal-Kunsill u li kull mistoqsija għandha ssir u tiġi mwieġba mingħajr diskussjoni.
Il-Bord tal-Governanza tal-Kunsilli Lokali saħansitra fakkar lill-partijiet involuti fil-Kodiċi tal-Etika għar-rappreżentanti eletti, li jitkellem dwar ir-rispett lejn il-kollegi tar-rappreżentanti eletti, l-istaff u l-pubbliku.