Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jitlob investigazzjoni fuq persuni li ffalsifikaw il-firma tiegħu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jiftaħ investigazzjoni fuq dokumenti fejn il-firma tiegħu ġiet iffalsifikata.

Adrian Delia ħabbar li talab ukoll li jkun investigat b’urġenza x’rabta teżisti bejn dawn id-dokumenti bil-firem foloz u allegazzjonijiet li jeżisti rapport tal-FIAU li jikkonċerna lilu u li ġie leaked lit-Times.

Id-dokumenti jmorru lura għal kważi 15-il sena iżda Adrian Delia sar jaf bihom wara li fl-aħħar jiem intbagħtu mistoqsijiet lilu minn The Times ftit sigħat wara li bħala Kap tal-Oppożizzjoni kkritika għal darb’oħra lil Gvern Laburista li ħataf l-istituzzjonijiet kollha inklużi l-FIAU, il-Korp tal-Pulizija, l-Armata u l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Dan seħħ ukoll sigħat wara li l-Gvern ħabbar li se jkollu jaċċetta dak li l-Oppożizzjoni ilha tisħaq fuqu li l-Avukat Ġenerali ma jistax ikollu żewġ rwoli.

“Waqt li jien għaddej bil-ħidma politika tiegħi li nuri kif Kastilja qed taħtaf l-istituzzjonijiet u tkisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, The Times of Malta tirċievi allegazzjonijiet li skont hi jinstabu f’rapport tal-FIAU u li ilhom għand il-pulizija sa minn Marzu tal-2018,” iddikjara Adrian Delia.

Kompla li issa huwa ċar li xi ħadd ma jridx li jkompli l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra l-ħtif ta’ l-istituzzjonijiet minn dan il-Gvern, li xi ħadd lest jipprova jintimidah u lest jagħmel minn kollox biex ma jkomplix il-ġlieda għas-sewwa u li xi ħadd daħħal f’moħħu li jkisser lilu, lil familtu u lill-Partit Nazzjonalista li dejjem kien il-mutur ewlieni favur is-sewwa, il-ġustizzja u d-demokrazija.

“Niddikjara bl-iżjed mod kategoriku li jien qatt ma kont involut fi tranżazzjonijiet illegali kif ġie allegat, qatt ma iffirmajt jew rajt dokumenti li saru bl-intenzjoni ta’ ħasil ta’ flus jew li b’xi mod stajt ninduna li kienu se jintużaw għal skopijiet illegali u fil-vesti tiegħi ta’ avukat dejjem aġixxejt skont il-liġi kif titlob il-prattika legali u fl-interess tal-klijenti li kont qed nirrappreżenta,” stqarr Adrian Delia.

L-ittra li ntbagħtet illum lill-Kummissarju tal-Pulzija ġiet pubblikata.