“It-tfal għandna nisimgħuhom għax huma l-futur u l-mexxejja tagħna.”
Kien dan il-messaġġ li enfasizzat fuqu l-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca waqt it-tnedija tal-ktieb tagħha ‘Riflessjoni tal-President.’
Dan il-ktieb, li l-qligħ kollu tiegħu se jingħata b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation, huwa bijografija mit-tfulija sal-Presidenza tagħha.
Il-President ġiet deskritta minn dawk preżenti bħala Maltija u politikanta li tul din il-presidenza tagħha hi dejjem ħadmet biex tgħin lil dawk kollha fil-bżonn.
Waqt diskussjoni li saret, il-President ta’ Malta saħqet li ħolqot l-entità President’s Trust u l-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, xtaqet li tiskopri iktar fuq x’inhi s-soċjetà Maltija.
L-awtur ta’ dawn il-ġabriet t’esperjenza, Jes Saliba qal li l-ktieb hu nisġa ta’ ħsibijiet, rakkonti ta’ esperjenza u elementi tal-ħidma tal-President tul il-karriera tagħha. Kompla jgħid li tfulitha u żgħożitha kienu ta’ formazzjoni biex fl-aħħar mill-aħħar ġew riflessi fil-Presidenza tagħha.
B’hekk, il-President saħqet biex il-politikanti jagħtu leħen u spazju lit-tfal biex jesprimu dak li jaħsbu għax huma l-futur ta’ pajjiżna. Kompliet li kemm fis-soċjetà u fil-familji, minkejja diversi fehmiet differenti, għandhom jirrenjaw l-għaqda, ir-rispett u l-imħabba lejn xulxin. Dan hekk kif it-tfal iridu jaraw li kulħadd huwa meqjus indaqs f’ambjent tajjeb u ta’ ispirazzjoni.
Preżenti għat-tnedija ta’ dan il-ktieb kien hemm il-President Emeritus Ugo Mifsud Bonnici.
Ritratti: Matthew Tabone




