Rugby Sport

It-tim Malti tar-rugby fl-azzjoni llum kontra Ċipru

Illum it-tim nazzjonali Malti tar-Rugby ikun involut fit-tielet logħba tal-grupp mir-Rugby Europe Conference 1 South kontra Ċipru. It-tim immexxi minn Damian Neill sa issa rebaħ iż-żewġ logħbiet fil-grupp u jibda favorit li anki jirbaħ kontra ċ-Ċiprijotti.

F’Ottubru li għadda, Malta rebħet 21-14 kontra l-Iżrael f’Netanya, biex ġimgħa wara f’Kordin huma ġabu fix-xejn lil Bożnija b’rebħa kbira ta’ 41-7. Ċipru fuq in-naħa l-oħra tilfet iż-żewġ logħbiet li lagħbet kontra l-Kroazja 46-24 u f’Novembru kontra 34-22 l-Iżrael.

Ċipru kienu promossi f’dan l-istaġun mit-Tieni Diviżjoni, bl-aħħar konfronti kontra t-tim Malti jmur lura għall-istaġun 2016/2017. Fid-29 ta’ Ottubru tal-2016 f’Kordin, it-tim Malti kien ġab fix-xejn lil Ċipru b’rebħa ta’ 31-3. Il-logħba tibda fis-2.00pm.

Jekk it-tim Malti jirbaħ din il-logħba jaqbeż lit-tim tal-Iżrael li lagħab l-erba’ logħbiet tiegħu b’żewġ rebħiet u żewġ telfiet. B’hekk tkun il-logħba mistennija tat-13 ta’ April kontra l-Kroazja f’pajjiżna li tiddeċiedi min jirbaħ dan il-grupp.

Il-Kroati sa issa rebħu t-tliet konfronti tagħhom kontra l-Bożnija, Ċipru u l-Iżrael. Ir-rebbieħ ta’ dan il-grupp jilgħab play-off kontra r-rebbieħ tar-Rugby Europe Conference 1 North għal min ikun promoss għad-diviżjoni Rugby Europe Trophy.

Formazzjoni tat-tim Malti: Rhodri Apsee, Daniel Holliday, Anthony Harvey, Darren Deguara, Benjamin Borg, Daniel Apsee, Luke Watts, Mark Davey, Thomas Holloway, Robert Holloway, Brendan Dalton, Malcolm Attard, Rory O’Brien, Christopher Dudman, James Kirk

Kif Jinsabu

                  L       R       D       T       F       K       Pti

Kroazja       3        3        0        0        105    51      14

Iżrael           4        2        0        2        104    62      11

Malta          2        2        0        0        62      21      9

Ċipru          2        0        0        2        46      80      0

Bożnija       3        0        0        3        18      121    0

*Għal kull rebħa jingħataw erba’ punti u jingħata punt żejjed jekk tim jitlef b’distakk ta’ seba’ punti jew anqas u jekk jiġu skorjati tliet tries aktar mill-avversarju