Lokali

L-Iskalin kontra r-reklamazzjoni tal-art

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Ir-residenti ta’ Marsaskala qed jagħmlu pressjoni fuq il-Kunsill Lokali tagħhom biex toħroġ dikjarazzjoni ċara kontra r-reklamazzjoni tal-art f’dawn l-inħawi.

Dan wara rapporti li l-uniku post fejn jista’ jintrema’ l-iskart tal-kostruzzjoni, b’mod speċjali dak minn proġetti nazzjonali bħal tal-mina bejn Malta u Għawdex, hu n-naħa tax-Xgħajra.

Għalkemm il-Gvern għadu qatt ma kkommetta ruħu fejn se ssir ir-reklamazzjoni tal-art, il-Ministru tal-Ambjent Jose Herrera diġa’ għamilha ċara li m’hemmx għażla oħra ħlief li r-reklamazzjoni ssir.

F’laqgħa mal-iżviluppaturi fi Frar li għadda, Herrera saħansitra ddikjara li r-reklamazzjoni tal-art mhux se ssir biex ikollna l-għelieqi biss, f’indikazzjoni ċara li fejn issir ir-reklamazzjoni tal-art se jkun hemm ukoll żvilupp.

Mindu ħarġu dawn id-dikjarazzjoni, ir-residenti tax-Xgħajra kienu ngħaqdu biex kważi kollha kemm huma ffirmaw petizzjoni  kontra li r-reklamazzjoni tal-art issir f’dawn l-inħawi. Dan apparti li bagħtu ilmenti lill-Prim Ministru u lil diversi Ministri.

Il-Kunsill Lokali tax-Xgħajra, b’maġġoranza Laburista, diġa qabel unanimament li joġġezzjona li r-reklamazzjoni tal-art issir max-xatt tal-lokalità.

Dan għaliex il-Kunsill Lokali jqis li r-reklamazzjoni tal-art tħalli impatt negattiv fuq l-ambjent, tpoġġi piż fuq l-infrastruttura tal-lokalità u impatt negattiv fuq il-ħajja u l-aspett soċjali tar-residenti kif ukoll tħalli marka fuq is-sbuħija u t-trankwillità tal-ambjent naturali u miftuħ.

Il-Kunsill Lokali tax-Xgħajra talab ukoll lill-awtoritajiet biex jingħata garanzija bil-miktub li r-reklamazzjoni tal-art ma ssirx matul u ‘l barra mix-xatt tal-lokalità u li l-ambjent tal-inħawi jibqa’ kif inu fl-istat naturali tiegħu.

Issa, anke l-Iskalin qed jitolbu li l-Kunsill Lokali tagħhom, ukoll b’maġġoranza Laburista, jitlob l-istess garanziji u jiddikjara pubblikament li hu kontra din l-ideja.

Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala mistenni jiddiskuti t-talba tar-residenti tiegħu fil-laqgħa li jmiss, nhar it-Tnejn li ġej, fejn grupp ta’ residenti mistennija jattendu biex juru l-appoġġ tagħhom għal dikjarazzjoni kontra r-reklamazzjoni tal-art.