Futbol Sport

Malta ġieli rebħet f’sitt konfronti preċedenti kontra l-Gżejjer Faroe?

Il-konfront tal-lum se jkun is-seba’ wieħed fl-istorja għat-tim nazzjonali Malti kontra l-Gżejjer Faroe. Minkejja li l-kwalità tal-avversarji mhux meqjusa bħala fost l-aqwa fl-Ewropa, Malta rebħet biss konfront minn sitta.

L-ewwel konfront bejn iż-żewġ nazzjonijiet seħħ fit-30 ta’ April tal-1997 f’logħba fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-1998.

It-tim Malti taħt it-tmexxija ta’ Milorad Kozanovic kien fetaħ tajjeb u mar fil-vantaġġ wara tmien minuti b’xutt fil-baxx bix-xellug ta’ Stefan Sultana. Il-Gżejjer Faroe ġabu d-draw mas-siegħa logħob, bit-tim Malti jsofri t-tieni gowl fid-89 minuta.

It-tieni dwell seħħ fit-8 ta’ Ġunju mill-istess kompetizzjoni, bil-Gżejjer Faroe terġa’ tirbaħ 2-1. Huma kienu fetħu vantaġġ doppju b’żewġ gowls fl-ewwel taqsima, b’Gilbert Agius inaqqas id-distakk minn penalty, f’logħba li t-tim Malti lagħab għal nofs siegħa b’raġel aktar.

Malta reġgħet kienet megħluba fit-tielet logħba fil-Gżejjer Faroe fit-18 ta’ Awwissu tal-2004 f’partita ta’ ħbiberija, bit-tim taħt it-tmexxija ta’ Horst Heese. It-tim Malti daħal jistrieħ 2-0 minn taħt, iżda rimonta tajba wasslet biex fil-51 minuta Stefan Giglio naqqas id-distakk b’xutt mill-ewwel minn korner, biex fis-66 minuta Michael Mifsud ġab id-draw b’xutt tipiku tiegħu, sakemm il-Gżejjer Faroe skorjat il-gowl tar-rebħa lejn it-tmiem.

Malta kisbet l-ewwel u l-unika rebħa mar-raba’ attentat fid-19 ta’ Novembru tal-2013. It-tim taħt it-tmexxija ta’ Pietro Ghedin kien rebaħ 3-2 fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali f’partita ta’ ħbiberija.

Ryan Fenech kien fetaħ l-iskor fis-17-il minuta b’xutt mill-isbaħ mid-distanza, biex tliet minuti wara Michael Mifsud skorja d-39 gowl mat-tim nazzjonali b’kontroll tajjeb u xutt fil-baxx. Jonathan Caruana għamilhom 3-0 fil-41 minuta minn azzjoni ta’ korner. Il-Gżejjer Faroe skorjat darbtejn, b’żewġ gowls fl-aħħar għaxar minuti.

Il-ħames konfront intlagħab fis-7 ta’ Settembru li għadda, fid-debutt ta’ Malta f’dan il-grupp tal-UEFA Nations League kif ukoll id-debutt kompetittiv ta’ Ray Farrugia bħala kowċ nazzjonali.

Il-Gżejjer Faroe marru fil-vantaġġ wara 31 minuta permezz ta’ Jóan Edmundsson, f’azzjoni li waslet wara żball ta’ Joseph Zerafa, biex seba’ minuti wara, Renè Joensen irdoppja l-iskor.

Reazzjoni immedjata tat-tim Malti li fil-41 minuta naqqas id-distakk bi kross perfett ta’ Andrè Schembri lejn Michael Mifsud li skorja mill-kaxxa ż-żgħira. Fil-bidu tat-tieni taqsima l-iskor sar 3-1 b’gowl ta’ Hallur Hansson f’azzjoni li d-difiża Maltija naqset li tbiegħed il-periklu.

Fl-aħħar konfront fl-20 ta’ Novembru li għadda, Malta kienet qed tfittex rebħa li biha ma kinitx tispiċċa fil-qiegħ tal-grupp. Doċċa kiesħa għat-tim Malti wara tliet minuti hekk kif il-Gżejjer Faroe marru fil-vantaġġ bi kross mil-lemin ta’ Gilli Rólantsson lejn René Joensen li żmarka ruħu mill-markatura ta’ Joseph Mbong u għeleb lil Andrew Hogg b’daqqa ta’ ras.

Reazzjoni immedjata tat-tim Malti li minuta biss wara ġab id-draw meta kien Juan Carlos Corbalan li għadda l-ballun minn taħt idejn Gunnar Nielsen, wara li l-gowlkiper avversarju kien salva parzjalment ix-xutt fil-baxx ta’ Michael Mifsud.

Fit-tieni taqsima l-plejers Maltin fittxew ir-rebħa fejn saħansitra fl-aħħar minuti t-tim Malti kien bi tliet attakkanti iżda l-gowl rebbieħ baqa’ ma wasalx.