11 ta’ Ottubru tal-2006 kontra l-Ungerija. Daqshekk kien ilu ma jirbaħ it-tim Malti f’logħba kompetittiva f’Ta’ Qali. 7 ta’ Ġunju tal-2013 f’Yerevan fl-Armenja hi l-aħħar rebħa ta’ Malta f’logħba kompetittiva. Ir-rebħa tant mistennija li ried kulħadd wisq aktar il-kowċ nazzjonali Ray Farrugia fl-aħħar waslet.
Prestazzjoni mill-aqwa għat-tim Malti mill-bidu sal-aħħar anki jekk kien hemm mumenti diffiċli wara t-tkeċċija sfortunata ta’ Andrei Agius. Rebħa li tagħmel kburi lil kull min kien preżenti jagħti s-sapport u tqawwi qalb li hemm futur qarib għat-tim nazzjonali. Il-plejers kollha brillanti iżda fost dawk li jispikkaw hemm bla dubju l-gowlkiper Henry Bonello li salva penalty u ballun ieħor lejn it-tmiem.
Mill-aħħar konfront kontra l-Gżejjer Faroe, Farrugia għamel erba’ bidliet. Fil-lasta beda Henry Bonello flok l-imweġġa’ Andrew Hogg, fid-difiża Jonathan Caruana ġie preferut minn Zach Muscat li ma kienx 100%, Juan Corbalan beda fuq il-linja xellugija, b’Matthew Guillaumier jagħmel id-debutt f’nofs il-grawnd. Fl-attakk Kyrian Nwoko rebaħ id-dwell ma’ Luke Montebello biex jimla l-vojt ta’ Andrè Schembri li rtira mit-tim nazzjonali.
Fl-ewwel taqsima t-tim Malti kien superjuri għall-avversarji. Sistema flessibbli li bdiet teqleb il-forma tagħha minn tliet difensuri ċentrali għal difiża b’erbgħa u fejn hemm bżonn b’ħames difensuri. Essenzjali għal din is-sistema kienu ż-żgħażagħ Joseph Mbong u Juan Corbalan mal-linji.
F’nofs il-grawnd, Paul Fenech beda jagħmel ġirjiet ta’ sapport fuq in-naħa xellugija u l-istess Rowen Muscat fuq il-lemin, biż-żagħżugħ Matthew Guillaumier jingħata l-fakultà li jdawwar il-logħob f’nofs il-grawnd u xi kultant b’passaġġi preċiżi.
Fl-attakk, Michael Mifsud uża l-irwol ta’ sapport għal Nwoko. Il-veteran fil-133 logħba tiegħu bil-flokk tat-tim nazzjonali, beda jgħin biex jagħlaq l-ispazji f’nofs il-grawnd u fl-istess ħin jattakka. Nwoko beda jżomm il-ballun tajjeb fuq quddiem.
L-azzjonijiet fl-ewwel 45 minuta kienu kollha marka Maltija, bil-plejers Maltin jiftħu l-iskor fit-13-il minuta. Kien kross fit-tul mil-lemin ta’ Rowen Muscat lejn Paul Fenech li mill-ewwel tefa’ ballun għan-nofs b’KYRIAN NWOKO jogħla tajjeb biex għeleb lil Gunnar Nielsen b’daqqa ta’ ras għar-rokna.
Ħames minuti wara azzjoni oħra brillanti tat-tim Malti, b’finta tajba fuq ix-xellug ta’ Mbong li ġibed il-ballun fuq il-lemin u tefa’ kross ieħor lejn Nwoko iżda din id-darba spiċċa ftit barra. Ċans ieħor tliet minuti wara. Matthew Guillaumier beda azzjoni b’passaġġ mill-isbaħ fuq ix-xellug lejn Fenech li kompla lejn Mifsud iżda t-tentattiv tiegħu għadda għoli.
Għall-kumplament tat-taqsima, l-Gżejjer Faroe żiedu aktar fil-pussess iżda ma ħolqu l-ebda periklu għal Henry Bonello. It-tim Malti baqa’ xorta jaqsam il-logħob u anki kellu mumenti li żamm il-ballun tajjeb.
Fit-53 minuta, it-tim Malti pprotesta għal dak li deher fawl evidenti fuq Michael Mifsud li kien ġej waħdu mal-gowlkiper, iżda r-referee Iżlandiż għażel li jħalli l-logħob għaddej fuq il-protesti kbar, l-aktar tal-kowċ Ray Farrugia.
Il-logħba ħadet żvolta fl-64 minuta meta l-ewwel kien Steve Borg li blokka parzjalment ix-xutt ta’ Solvi Vatnhamar, iżda l-ballun ġie mwaqqaf minn id Andrei Agius, bir-referee din id-darba jordna penalty u wera l-karta l-ħamra lil Agius. Mill-11-il metru nkariga ruħu Brandur Hendriksson li iżda ra x-xutt ikun salvat b’mod brillanti minn Henry Bonello.
B’inferjorità numerika, kien mistenni li l-avversarji jagħfsu lid-difiża Maltija. Kienu ftit aktar minn 10 minuti diffiċli iżda fis-77 minuta t-tim Malti rnexxielu jiskorja t-tieni gowl. Kienet ħarba tajba mix-xellug ta’ Joseph Mbong li baqa’ tiela’ sal-kaxxa avversarja u twaqqa’ minn Atli Gregersen. Mingħajr Andrei Agius u Michael Mifsud inkariga ruħu STEVE BORG li bil-kalma kollha qata’ lil Nielsen u skorja fil-kantuniera ta’ isfel xellugija.
Ir-reazzjoni tal-Gżejjer Faroe kważi reġgħet fetħet il-logħba beraħ meta fit-83 minuta Kaj Bartalsstovu kkrossja mil-lemin lejn Viljormur Davidsen li kkontrolla mill-viċin iżda x-xutt b’saħħtu tiegħu kien salvat f’darbtejn minn Bonello li kien stupend fiċ-ċirkostanza.
Il-Gżejjer Faroe naqqset id-distakk fit-98 minuta bi kross ta’ Gilli Rolantsson lejn JAKUP THOMSEN li għola u għeleb lil Bonello b’daqqa ta’ ras. L-aħħar sekondi tal-logħba kienu karatterizzati minn argumenti bejn iż-żewġ timijiet.
It-tisfira finali ntlaqgħet minn ferħ bla waqfien mill-plejers u l-kumplament tal-istaff tekniku għal rebħa famuża li se tibqa’ tissemma fl-istorja.
//= $special ?>