Rugby Sport

Wirja kbira għall-Maltin f’Ċipru

CYPRUS            10
MALTA              37

It-tim nazzjonali tar-Rugby kompla juri l-intenzjonijiet tiegħu li jirbaħ il-grupp meta l-bieraħ f’logħba mill-aqwa għelbu lil Ċipru 37-10  ġewwa Paphos. It Malti beda jiddomina l-partita sa mill-bidu nett u kien biss fit-tieni parti li Ċipru nkwetaw xi ftit lil Maltin.

Minkejja kollox kienet logħba oħra pożittiva għat-tim ta’ Damian Neill li serrħu rashom mir-riżultat sa tmiem l-ewwel taqsima meta bnew vantaġġ ta’ 22-0. Chris Dudman kien fost l-aqwa plejers Maltin, meta rnexxielu jikkonverti tliet tries, iżda aktar minn hekk kienet wirja kollettiva li uriet is-saħħa tat-tim.

Malta fetħet tajjeb u kien Rory O’Brien li poġġihom minn fuq b’penalty u ftit wara  kien Luke Watts li b’ħarba mill-isbaħ poġġa l-ballun wara l- “goal-line” għall-ewwel try tal-partita. Wara konverżjoni ta’ James Kirk poġġiet il Malta 10-0 minn fuq.

Ċipru għamlu minn kollox biex iwaqqfu s-saħħa Maltija iżda l-Maltin dejjem kienu attenti fejn ndew jużaw l-arma tal-kontrattakk. Din it-tattika ħadmet perfettament wara li fil-15-il minuta Dudman, interċetta l-ballun fil-half ta’ Ċipru u għamel it-tieni try b’Kirk jerġa’ iwettaq conversion  għal 17-0.

Man-nofs siegħa , Malta tilfet lil Anthony Harvey minħabba problemi fl-irkopa u dan kien mibdul ma’ Gary Hili. Minkejja din l-isfortuna, il-moral tal-Maltin ma waqax biex għamlu t-tielet try ftit qabel il-mistrieħ, għal darba oħra permezz ta’ Dudman  li ġie kkonvertit minn Kirk, biex l-iscore tela’ għal 22 punt.

Il-Maltin bdew it-tieni taqsima fuq nota tajba b’Tom Holloway jaqta’ tajjeb lid-difiża biex għamel l-ewwel try tiegħu u għamel il-punteġġ 27-0.  Tmien minuta fit-tieni taqsima, Malta uriet is-saħħa fiżika tagħha meta Dudman niżżel il-ballun taħt il-lasti, b’Kirk juri x’ jsarraf u jagħmilhom 34-0.

Iċ-Ċiprijotti wrew sinjali ta’ titjib aktar tard tat-tieni taqsima, speċjalment bl-inklużjoni ta’ Giovanni Dall’Amico, meta rnexielhom jagħmlu żewġ tries infila, l-ewwel wieħed minn D’Amico stess u l-ieħor permezz ta’ Christopher Joannou  biex għamluhom 34-10.

Hawn il-Maltin naqqsu xi ftit ir-rittmu, konxji wkoll li l-partita kienet mirbuħa u mitlufa. Imma penalty lejn l-aħħar ħinijiet minn Kirk ta rebħa komda lil Maltin fost il-ferħ ta’ li skwadra Maltija.

It-tim Malti wera dixxiplina kbira kemm tattikament kif ukoll fiżikament. Din kienet it-tielet rebħa infila għal Malta biex telgħu jokkupaw l-ewwel post fil-grupp flimkien mal-Kroazja, li magħhom iridu jilgħabu f’Kordin fit-13 ta’ April li ġej.  

Din il-partita għandha tiddetermina min se jgħaddi għal play-offs li jfissru promozzjoni kontra t-tim mill-Conference North 1.Fil-preżent, Sweden u l-Ukranija jinsabu l-ewwel b’disa’ punti kull wieħed u jekk Malta jirnexxielha tagħmilha, tkun trid tilgħab ma’ wieħed minn dawn il-pajjiżi.   

CYPRUS: G. Cosma, M. Zakakiotis, S. Panyiotou, G. Dall’Amico 5, B. Cosma, C. Joannou 5, R. Yiannakou, S. Yarrow, C. Paraskeva, C. Brown, G. Agathokleous, L. Frixou, M. Holden, A. Fell, S. Burns.

MALTA: R. Apsey, D. Holliday, A. Harvey, F. Deguara, B. Borg, D. Apsee, L. Watts 54, M. Davey, T. Holloway 5; R. Holloway, B. Dalton, M. Attard, R. O’Brien 3, C. Dudman 15, J. Kirk 9.

Referee: Hollie Davidson (Scotland).

Klassifika: Malta (3-0-0) 14; Croatia (3-0-0) 14; Israel (2-0-2); Cyprus (0-0-3) 0; Bosnia (0-0-3) 0.

Logħob li jmiss: (April 6) Bosnia vs Cyprus; (April 13) Malta vs Croatia.