Lokali

Għas-16-il sena konsekuttiva se terġa’ ssir il-mixja tal-Ġimgħa l-Kbira

“Għas-16-il sena konsekuttiva, fil-lejl ta’ bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira, se jerġa’ jiġi organizzat il-pellegrinaġġ annwali magħruf bħala l-Mixja tal-Ġimgħa l-Kbira. Is-sena l-oħra ħadu sehem ’il fuq minn 10,000 parteċipant u huwa mistenni li din is-sena l-konkorrenza tkompli tiżdied. Din il-mixja matul il-lejl taf il-bidu tagħha meta Joseph Vella mill-Mellieħa għamilha għall-ewwel darba flimkien ma’ Glenn, ir-raġel tat-tifla tiegħu. Matul is-snin in-numru ta’ persuni li bdew jingħaqdu biexjagħmlu din il-mixja beda jiżdied u baqa’ jiżdied bil-mijiet u bl-eluf.

F’dawn l-aħħar snin il-parteċipanti taw donazzjonijiet b’risq il-kawża ġusta ferm li l-membri ta’ Puttinu Cares jaħdmu bla heda għaliha. Is-sena l-oħra nġabret is-sommasabiħa ta’ €91,190 kemm mill-parteċipanti kif ukoll min-numru ta’ sponsers li jagħtu s-sostenn tagħhom għal din l-attività. Il-parteċipanti jkunu mitluba joffru donazzjonita’ €10 li jmorru b’risq Puttinu Cares.

Għal sena oħra kulħadd qed jiġi mistieden biex jingħaqad għal din il-mixja ta’ matul il-lejl nhar il-Ġimgħa, 19 ta’ April, li titlaq fin-12.30am mill-Pjazza tal-Parroċċa tal-Mellieħa u tintemm fuq il-Fosos tal-Floriana. Kull min se jagħmel il-mixja hu mitlub li sa 12.00am ikun il-Mellieħa. Il-mixja tieħu madwar 4 sigħat u fiha madwar 22 km. Mal-wasla, kull parteċipant jingħata ċertifikat ta’ parteċipazzjoni. Ikun hemm diversi stazzjonijiet matul ir-rotta fejn ikun offrut ilma jew xi refreshments.

Il-Ħamis filgħaxija, mill-10.00pm ’il quddiem, jiġi pprovdut trasport b’xejn mill-Fosos tal-Floriana għall-Mellieħa. Ikun hemm trasport b’xejn ukoll lura lejn il-Mellieħa wara l-mixja. Għal dan it-trasport huwa meħtieġ li wieħed jibbukkja. Matul ir-rotta jkun hemm vannijiet f’każ li xi wħud jiddeċiedu li ma jkomplux il-mixja udawn jitwasslu l-Floriana. Ikun hemm ukoll staff mediku f’każ ta’ emerġenza.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 99991800, jidħol fil-website www.walkthewalk.org.mt jew isegwi l-paġna ta’ facebook ‘Mixja Ġimgħa l-Kbira 2019’.