F’għodwa mill-isbaħ tar-Rebbiegħa, l-Parroċċa ta’ Ħal Balzan qamet issellem il-vara titulari ta’ Marija Annunzjata waqt pellegrinaġġ devozzjonali li jfakkar il-150 sena mill-wasla tal-vara. Id-data tal-24 ta’ Marzu taħbat eżatt lejliet il-festa liturġika ta’ Marija Annunzjata, festa li l-Knisja Kattolika tiċċelebraha nhar il-25 ta’ Marzu, eżattament disa’ xhur qabel il-festa tal-Milied.
Il-vara ta’ Marija fit-tħabbira mill-Anġlu Gabriel daret żoni differenti f’Ħal Balzan, li ilu parroċċa ddedikata lil Marija Annunzjata sa mill-1655. It-tempju li jżejjen il-pjazza ta’ dan ir-raħal pittoresk fiċ-ċentru ta’ Malta, beda jinbena fl-1669, propjament 350 sena ilu.
Tul is-snin fost il-Balzanin bdiet tinbet ix-xewqa li l-parroċċa jkollha l-vara titulari bix-xbieha ta’ Marija tgħid l-iva tagħha lill-Anġlu Gabrijel. Fatt kurjuż hu li sa ftit ilu, ħafna kienu jaħsbu li l-vara tlestiet fl-1868, iżda dokument li nstab dan l-aħħar juri li l-vara tlestiet fl-1869. Din hija vara kapolavur tal-iskultur Mosti Salvatore Dimech magħruf bħala s-Sarċ u nħadmet kollha fl-injam.
Matul dan il-pellegrinaġġ ħadu sehem numru sabiħ ta’ reffiegħa li kienu jammontaw għal madwar 65. Il-vara kienet akkumpanjatha minn banda iffurmata miż-żewġ baned ta’ Ħal Balzan: il-Banda San Gabriel u s-Soċjeta’ Filarmonika Marija Annunzjata. Għal dan l-anniversarju, ġie ippubblikat ktieb dwar il-Vara ta’ Marija Annunzjata, b’kitba u riċerka tal-istoriku Balzani Carmel Bezzina.
Għal dan il-pellegrinaġġ devozzjonali attenda ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, flimkien ma’ kandidati u uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>