Il-Ġermanja fetħet l-impenji tagħha fi Grupp Ċ b’rebħa drammatika ta’ 3-2 fl-Amsterdam Arena kontra l-Olanda, fit-tielet sena anniversarju mill-mewt tal-leġġenda tal-futbol Olandiż Johann Cruyff. Din ir-rebħa kienet tpattija sportiva għalihom wara d-disfatti tal-UEFA Nations League nkluż telfiet kontra l-Olanda.
Kien LEROY SANE li fetaħ l-iskor wara kwarta meta rċieva kross mix-xellug ta’ Nico Schulz u għeleb lil Jasper Cillessen b’xutt b’saħħtu minn qagħda tajba. SERGE GNABRY irdoppja l-iskor fl-34 minuta b’xutt sabiħ għar-rokna ta’ fuq minn fuq il-linja tal-kaxxa l-kbira.
Reazzjoni mill-Olanda li permezz ta’ spostament tattiku mill-kowċ Ronald Koeman daħlu fil-logħba fit-48 minuta b’daqqa ta’ ras preċiża ta’ MATTHIJS DE LIGT. Il-gowl tad-draw wasal kwarta wara meta Georginio Wijnaldum qassam fil-qosor lura lejn MEMPHIS DEPAY li f’angolu ristrett għeleb lil Manuel Neuer b’xutt fil-baxx u preċiż.
Iżda l-Ġermanja skorjat il-gowl tar-rebħa fid-90 minuta bi kross mix-xellug ta’ Marco Reus lejn NICO SCHULZ li b’konklużjoni fil-baxx mill-ewwel għeleb lil Cilessen.
Minn Grupp E, il-Kroazja kienet megħluba mill-Ungerija 2-1. Kienu l-Kroati li fetħu l-iskor fit-13-il minuta meta Luka Modric tefa’ kross fil-baxx mil-lemin għan-nofs, b’Andrej Kramaric mattar saqajh bil-ballun jispiċċa għand ANTE REBIC li għeleb lil Peter Gulacsi mill-viċin.
L-Ungerija ġabet id-draw fl-34 minuta. Balazs Dzsudzsak ta passaġġ intelliġenti lejn ADAM SZALAI li minn pożizzjoni ftit angolata għeleb lil Lovre Kalinic f’sitwazzjoni li l-gowlkiper Kroat seta’ għamel aħjar.
Il-gowl tar-rebħa wasal fis-76 minuta b’korner mil-lemin isib lil MATE PATKAI li rebaħ dwell u għeleb lil Kalinic mill-viċin.
Wales kisbet rebħa importanti kontra s-Slovakkja 1-0. Inċidentalment il-gowl deċiżiv wasal wara biss ħames minuti b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ DANIEL JAMES li għeleb lil Martin Dubravka.
Fi Grupp Ġ, il-Polonja kisbet rebħa diffiċli kontra l-Latvja 2-0. Il-captain ROBERT LEWANDOWSKI fetaħ l-iskor kwarta mit-tmiem meta daħal tajjeb għal kross mix-xellug u skorja b’daqqa ta’ ras. Id-difensur KAMIL GLIK għalaq il-logħba fl-84 minuta b’daqqa ta’ ras oħra, din id-darba minn korner.
Il-Belġju tinsab waħedha fi Grupp I wara rebħa ta’ 2-0 fuq Ċipru. EDEN HAZARD fetaħ l-iskor wara 10 minuti b’xutt għar-rokna minn pożizzjoni ċentrali fil-kaxxa l-kbira. Huma rduppjaw fit-18-il minuta b’passaġġ intelliġenti ta’ Thorgan Hazard lejn MICHY BATSHUAYI li qabeż lill-gowlkiper b’diffikultà u tefa’ l-ballun fix-xibka.
Rebħa faċli għar-Russja ta’ 4-0 fuq il-Każakistan. DENIS CHERYSHEV fetaħ l-iskor fid-19-il minuta b’xutt mill-ewwel, bl-istess DENIS CHERYSHEV jirdoppja l-iskor eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima b’konklużjoni mill-viċin.
Cheryshev kien strumentali fit-tielet gowl Russu fit-52 minuta meta serva lil ARTEM DZYUBA bi kross fil-baxx mix-xellug, bl-attakkant ma jkollux problema jiskorja. Awto-gowl ta’ Abzal Beysebekov issiġilla r-rebħa għar-Russja fit-62 minuta.
L-Iskozja rritornat għar-rebħ wara t-telfa kontra l-Każakistan, b’rebħa ta’ 2-0 kontra San Marino. KENNY MCLEAN fetaħ l-iskor wara biss erba’ minuti meta tar minn tulu għal kross mix-xellug u skorja b’daqqa ta’ ras. JOHNNY RUSSELL għalaq il-logħba fl-74 minuta meta skorja minn qagħda ideali.
Riżultati
Grupp Ċ – Irlanda ta’ Fuq v Belarus 2-1, Olanda v Ġermanja 2-3
Grupp E – Wales v Slovakkja 1-0, Ungerija v Kroazja 2-1
Grupp Ġ – Iżrael v Awstrija 4-2, Polonja v Latvja 2-0, Slovenja v Maċedonja 1-1
Grupp I – Każakistan v Russja 0-4, San Marino v Skozja 0-2, Ċipru v Belġju 0-2
//= $special ?>