Lokali

Kandidati għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali jindirizzaw attività politika fil-Mellieħa

Waqt l-attivita’ politika li saret il-Ħadd fil-Mellieħa tkellmu ukoll il-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight u Peter Agius kif ukoll il-minority leader fil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa Hilary Fenech.

Peter Agius qal li hemm bżonn li pajjiżna jisfrutta aktar l-Unjoni Ewropeja u nkunu aktar ambizzjużi.  Jekk isir aktar investiment f’oqsma differenti, il-pajjiż jipprovdi aktar opportunitajiet għal setturi differenti fosthom iż-żgħażagħ, in-negozji u s-sajjieda. Peter Agius semma kif hemm bżonn li pajjiżna jħaddem aħjar il-fondi diretti ġejjin mill-Unjoni Ewropeja.

Tkellmet ukoll is-Segretarja Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista u kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight li semmiet li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien konsistenti fid-difiża tas-saltna tad-dritt.  Hija qalet li l-ħaddiema Maltin u s-sidien tan-negozju għandhom bżonn li jingħataw vuċi akbar biex ikunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal tagħhom bi dritt, u mhux b’nepotiżmu.

Għamel intervent ukoll Hilary Fenech, minority leader tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li qal li r-residenti Melliħin jinsabu diżappuntati bin-nuqqas ta’ ħidma minn naħa tal-Kunsill. Aktar minn hekk, Hilary Fenech qal li l-indħil tal-Gvern Laburista wassal biex fil-Mellieħa kompla żvilupp mhux sostenibbli biex jitħarsu l-interessi tal-ftit. Hu tenna l-wegħda li Kunsill b’maġġoranza Nazzjonalista se jkun determinat li jagħmel id-differenza fil-ħajja tal-Melliħin bħalma kien sar qabel l-2013.