Tkompli tiħrax il-ġlieda għall-post ta’ Joseph Muscat bejn il-kontestanti ewlenin li jridu akkost ta’ kollox isiru mexxejja tal-Partit Laburista. Sorsi infurmati fi ħdan il-Partit Laburista issa jikkonfermaw ma’ il-mument li bejn Ian Borg u Chris Fearne tant qed tiħrax li bdew il-manuvri fi ħdan il-kumitati sezzjonali tal-Partit Laburista. Fuq quddiem il-Ministru Ian Borg li wara li għamel kampanja sottili ma’ kunsilliera Laburisti f’diversi lokalitajiet li eventwalment se jkollhom il-vot fl-elezzjoni għal mexxej laburista ġdid, issa l-istess Ian Borġ tefa’ ħarstu fuq il-kumitati sezzjonali.
Kif qal l-eks Mexxej Laburista Alfred Sant f’artikli separati f’l-Orizzont u f’The Malta Independent, il-ġlieda għall-post ta’ Joseph Muscat se twassal għal firda u qasma fil-Partit Laburista.
Is-sorsi fil-Partit Laburista qalulna li waqt li għaddejjin il-Laqgħat Ġenerali Annwali fis-sezzjonijiet tal-Partit Laburista, rappreżentanti tal-Ministru Ian Borġ qed jurtaw ħafna attivisti Laburisti bil-mod goff kif qegħdin jippruvaw jieħdu supravvent. Dan deher l-aktar f’Ħaż-Żebbuġ, fejn qarib ta’ Ian Borġ tħalla jikkontesta għall-kumitat avolja ma kienx eliġibbli. Jidher li din il-ġlieda f’Ħaż-Żebbuġ wasslet għal protesti minn Laburisti genwin li dejjem taw l-enerġija tagħhom għall-partit.
Dawk li tkellmu ma’ il-mument qalu li “l-firda kbira li ġabu dawn in-nies ta’ Ian Borġ qed twassal biex min veru jħobb il-partit lanqas biss irid jersaq lejn il-każin.”
Iżda jidher li mhux f’Ħaż-Żebbuġ biss inqala’ l-inkwiet fost il-membri Laburisti. Jirriżulta li f’Ħal Għaxaq tant kien ovvju l-manuvrar biex jivvantaġġa lil Ian Borg għaliex l-istess manuvri jmorru kontra l-istatut tal-Partit Laburista b’konsegwenza li l-ġlied intern wassal biex l-elezzjoni għall-kumitat kellha titħassar.
Quddiem dan kollu qed tispikka n-nuqqas ta’ esperjenza politika tas-CEO tal-Partit Laburista, Randolph Debattista, li mhux kapaċi jikkontrolla s-sitwazzjoni fil-kumitati. “X’differenza minn żmien Jason Micallef,” qalulna s-sorsi Laburisti. “Jason trabba fil-partit u jaf x’għandu jagħmel f’dawn is-sitwazzjonijiet, imma dan jagħmel kif jgħidulu ta’ Kastilja.”
Ġlieda oħra saret bejn il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne u Konrad Mizzi, li kellu jirriżenja minn deputat mexxej wara biss xahar minħabba l-iskandlu tal-Panama Papers, din id-darba għall-Kumitat Laburista f’Raħal Ġdid. Hawn jidher li kien hemm konfront dirett bejn ta’ Fearne u ta’ Konrad Mizzi b’kampanja ta’ tfesfis kontra Fearne marbuta mal-kjuwijiet fl-Isptar iżda minkejja dan, jidher li ħareġ rebbieħ Chris Fearne li issa għandu kontroll tal-kumitat ta’ Raħal Ġdid.
Is-sorsi tagħna fil-Partit Laburista qalulna li f’Raħal Ġdid hemm rabja kbira għall-Ministru Ian Borg minħabba l-pjazza ta’ Raħal Ġdid li mhux biss damet tliet snin biex titlesta, iżda l-proġett finali ddiżappunta ħafna nies li stennew ħafna aħjar mill-partit tagħhom fil-gvern.
Id-diskors fil-każin Laburista ta’ Raħal Ġdid hu li Ian Borg daħaq bihom għax dak li wegħedhom ma wettqux.
//= $special ?>