Lokali

RITRATTI: ‘Fejn nistgħu naslu aktar f’dan il-pajjiz jekk lanqas rispett lejn il-mejtin ma fadal?’

Persuni qasmu d-diżappunt tagħhom fuq il-midja soċjali hekk kif għan-nom ta’ dawk kollha li jżuru lill-mejtin tagħhom fiċ-Ċimiterju tal-Addollorata, mara ħassett li kellha taqsam id-dispjaċir tagħha.

Dan hekk kif sostniet li kienet tinsab ‘diżgustata u rrabjata’ għal mod ta’ kif qed jitmexxa dan l-aħħar iċ-ċimiterju. Hija saħqet li l-unika post fejn wieħed jista’ jżur lill-qraba u l-ħbieb li ħallew din id-dinja mhux qiegħed miżmum kif suppost. Din il-persuna sostniet li l-affarijiet li qed jitpoġġew fuq il-qabar qed ‘jitneħħew’. Dan hekk kif xi persuni sabu xemgħat, twapet, u affarijiet mkissrin. Saħansitra, kompliet din il-mara, qed jittieħdu pupi minn fuq l-oqbra tat-trabi.

Hija sostniet li r-raġuni għall-iżdingar li hemm fiċ-ċimiterju ingħad li kien kollu tort tal-Grigalata li ħakmet lil Malta fi Frar, madanakollu wara kważi xahar l-affarijiet għadhom kif inhu.

Il-mara appellat lill-awtoritajiet konċernati sabiex filwaqt li tittieħed azzjoni immedjata – tingħata spjegazzjoni tal-irresponsabbiltà ta’ min suppost qed imexxi kif ukoll dwar l-għejbien tal-oġġetti minn fuq l-oqbra.

Hija insistiet li f’dan il-pajjiż ma nistgħux naslu agħar minn hekk jekk lanqas rispett għal min ħalla lil din id-dinja m’għad fadlilna.