Il-kowċ nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena Silvio Vella ta ħarsa lejn il-kamp ta’ taħriġ li jinsabu fih bħalissa f’Antalya fit-Turkija, ftit jiem wara r-rebħa ta’ 2-1 f’partita ta’ ħbiberija kontra t-Turkmenistan.
Vella kien kuntent bil-prestazzjoni iżda qal li setgħu jkunu aktar preċiżi quddiem il-lasta. Hu għamel referenza għal Marcus Grima, Zachary Grech, Neil Frendo u Paul Mbong li kollha għamlu d-debutt mat-tim ta’ taħt il-21 sena.
Vella kompla li kienu kuntent bid-debutt tal-erba’ plejers iżda qal li minħabba li t-tim hu ġdid, għandhom jibqgħu jaħdmu biex dan il-grupp ta’ plejers jiżviluppa aktar.
Silvio Vella kellu kliem ta’ tifħir għall-faċilitajiet f’Antalya u żied li dan il-kamp ta’ taħriġ hu importanti fl-iżvilupp ta’ dawn iż-żgħażagħ. “Qed jieħdu pjaċir f’dan l-ambjent ta’ futbol professjonali, jingħaqdu aktar flimkien, jieklu ikel bnin, ikollhom taħriġ intensiv u jirkupraw tajjeb. Il-faċilitajiet eċċellenti jagħmlu l-affarijiet eħfef għalina. Ninsabu grati lejn l-MFA tal-opportunità.”
Il-kowċ ta’ taħt il-21 sena semma wkoll l-iżvilupp tal-plejers hekk 18-il plejer minn din l-iskwadra ilhom fit-timijiet nazzjonali għal aktar minn erba’ snin filwaqt li 13-il plejer lagħbu fil-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-17-il sena li kien sar f’pajjiżna fl-2014.
//= $special ?>